Sport Sport Ieħor

Il-Kumitat Olimpiku Malti jwissi dwar l-impatt negattiv li jista’ jkollhom restrizzjonijiet ġodda fuq l-isport

Fi stqarrija konġunta il-Kumitat Olimpiku Malti kif ukoll il-Kumitat Parlimpiku Malti appellaw lill-awtoritajiet sabiex jiżguraw li jitkompla l-isport, wara l-inċertezza li qed terġa’ ġġib magħha il-pandemija tal-Covid-19. Għalkemm iż-żewġ kumitati saħqu li se jkunu qed jirrispettaw kull restrizzjoni li tista’ tiddaħħal, huma wissew dwar l-impatt negattiv li dawn jista’ jkollhom fuq l-atleti u fuq l-isport kollu.

Fl-istqarrija huma aċċenaw għal fatt li jekk l-atleti ma jkunux jistgħu jitħarġu jew jikkompetu f’kompetizzjonijiet, dan se jkollu riperkussjonijiet negattivi ħafna fuq l-isport, filwaqt li jkun qed iġib fix-xejn l-investiment li sar u li kontinwament qed isir minnhom, sabiex jelevaw il-livell tal-isport f’pajjiżna. Huma saħqu li l-atleti u l-isport għandhom ikunu il-prijorita’ jekk jittieħdu deċiżjonijiet dwar restrizzjonijiet relatati mal-isport, filwaqt li appellaw lill-atleti u organizzazzjonijiet sportivi kollha sabiex jimxu mar-regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-Kumitat Olimpiku Malit kif ukoll il-Kumitat Parlimpiku Malti appellaw ukoll lill-awtoritajiet konċernati sabiex tkun issalvagwardjata l-importanza tal-isport f’pajjiżna, kemm għal atleti amateurs, għal dawk li jippratikawh bħala passatemp, kif ukoll għal dawk professjonali.