Hekk kif il-poplu qed ikompli jinsteraq il-miljuni mid-deal tal-Vitals, l-Istat qed jagħmel minn kollox biex il-kawża li fetaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex it-tliet sptarijiet San Luqa, Karin Grech u Ġenereali ta’ Għawdex jerġgħu jsiru tal-poplu, l tkompla tkaxkar saqajha.
Dan reġa’ kien evidenti it-Tlieta filgħodu meta suppost il-partijiet fil-kawża minn naħa tal-Istat kellhom jippreżentaw l-affidavits tagħhom iżda numru minnhom mhux biss ġew ippreżentati dalgħodu fir-Reġistru tal-Qorti, iżda hemm oħrajn li lanqas biss ġew ippreżentati.
Hemm ukoll min ippreżenta affidavit li jgħid li m’għandu x’jaqsam xejn mal-każ, filwaqt li dawk li għandhomx x’jaqsmu lanqas biss intalbu jippreżentaw xi forma ta’ affidavit. Dan kollu qed isir bi skop, biex il-kawża tkompli ttawwal. Għas-seduta ta’ dalgħodu, l-Awtorita tal-Artijiet u INDIS, li qabel kienet tissejjaħ il-Malta Industrial Parks, kellhom jippreżentaw d-dokumenti kollha disponibbli tagħhom u jagħmlu diversi affidavits.
Dawn kellhom ħin biżżejjed biex dak li jiġi preżentat fil-Qorti jkollha bażi soda, minflok komplew jaħlu l-ħin, tant li affidavit minnhom, dak tal-Perit Joseph Attard li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-INDIS jgħid li huwa ma jaf xejn. Allura għaliex ma ppreżentax min kien verament involut? Ta’ qablu jew qabel ta’ qablu?
Attard jgħid fl-affidavit tiegħu li ilu jokkupa l-kariga li għada sa minn Mejju li għadda. Hu tenna li l-għan ewlieni tal-INDIS huwa li jamministra diversi propjetajiet tal-Gvern partikolarment oqsma industrijali skont l-Att dwar l-Artijiet tal-Gvern. Hu qal li qabel ma’ daħal fis-seħħ dan l-Att, irresponsabbilitajiet kienu joħorġu mill-Ordinanza dwar il-Kummissarju tal-Arijiet; u dan sa mill-2004.
Huwa kompla li qatt ma kien jagħmel parti minn xi negozjati, li wasslu għal dan għall-iffirmar tal-kuntratt tat-22 ta’ Marzu tal-2016 fejn l-MIP ikkonċediet lill-Vitals Global Healthcare Limited, tliet siti f’Malta u Għawdex b’titolu emfitewtiku.
Attard qal li bħala Kap Eżekuttiv tal-INDIS m’għandu l-ebda poter jew jedd personali li jaqdi kull funzjoni għall-bażi tal-kariga tiegħu taħt id-direzzjoni tal-Bord tad-Diretturi. Fil-kawża d-deputat Nazzjonalista qed jagħmel minn kollox biex l-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex jerġgħu jsiru tal-poplu Malti.
Bħala parti mill-kawża hemm ukoll involut id-Dipartiment tal-Artijiet li qal li ppreżenta biss nota u għadu ma ppreżentax l-affidavits tiegħu, u li mistenni jagħmel dan fil-jiem li ġejjin. Il-kuntratt tal-Vitals sar bi ksur tal-liġi u ġie meqjus mill-Istat stess li ma jagħtix valur għall-flus liċ-ċittadini Maltin. Għaldaqstant, dan għandu jintemm minnufih u m’għandhomx jiġu allokati aktar miljuni għal dan il-kuntratt.
Wara l-ammissjonijiet fil-Qorti mill-istess Steward Healthcare u l-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali, li ddikjara li l-kuntratt sar bi ksur tar-regoli u mingħajr ma jassigura valur għall-flus taċ-ċittadin, il-Gvern baqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn u jibqa’ jalloka l-miljuni fil-Budget għas-sena d-dieħla.
Ħareġ biċ-ċar fir-rapport tal-Awditur Ġenerali li l-kuntratt tal-Vitals ma jagħtix valur ghall-flus, u minkejja dan kollu f’dan il-Budget, il-Gvern qed jerġa’ jitfa’ €69 miljun fis-sena fuq kuntratt li l-Awditur Ġenerali stess qed jghid li sar bi ksur tal-Liġi. Il-każ issa għandu jkompli fil-15 ta’ Marzu li ġej f’nofs inhar.
Għad-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qed jidher l-Avukat Edward Debono, għall-Gvern qegħdin jidhru l-Avukat tal-Istat Christopher Soler u l-avukat Andrew Cauchi, għal INDIS dehret l-Avukat Eliana Scicluna waqt li għal Steward deher l-Avukat Joseph Camilleri.
//= $special ?>