Lokali

“Il-Prim Ministru għandu jieħu azzjoni minnufih”

“Għaddew erbat ijiem minn meta sirna nafu li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab lil Justyne Caruana ħatja li kisret il-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri. Għaddew erbat ijiem, iżda Justyne Caruana għadha Ministru tal-Edukazzjoni.”

Hekk stqarr il-President tal-għaqda Repubblika f’konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Repubblika tappella biex dan ir-rapport ikun ippubblikat minnufih “u nappellaw ukoll biex l-Ispeaker u l-Membri tal-Gvern fil-Kumitat ma jfixklux u ma jirredikolawx il-proċess kif għamlu ftit tal-ġimgħat ilu fil-każ ta’ Rosianne Cutajar.”

Għaldaqstant, issa nduru fuq il-Prim Ministru Robert Abela u ngħidulu biex jieħu azzjoni minnufih u jkeċċi lil Caruana minn Ministru u mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Lill-Prim Ministru ngħidulu wkoll li Justyne Caruana, bħall-imċappsin l-oħra kollha li għad għandu ma djulu, m’għandhiex titħalla tikkontesta elezzjoni ġenerali f’isem il-partit tiegħu. Hekk titlob id-diċenza.

Il-mument li l-Partit Laburista se jaċċetta lil Justyne Caruana, u bħalha lil Rosianne Cutajar, lil Edward Zammit Lewis, lil Carmelo Abela u lill-imċappsin l-oħrajn kollha, ikun qed jibgħat messaġġ lill-poplu li l-mod ħażin li bih ġabu ruħhom dawn l-individwi huwa aċċettabbli.

Il-mument li l-ismijiet ta’ dawn l-imċappsin jitħallew fuq il-karta tal-vot u jitpoġġew ħdejn l-arma tal-Partit Laburista jkun ifisser li l-Prim Ministru u l-Partit Laburista qed jagħmlu tagħhom il-ħmieġ li ċċapsu bih dawn il-persuni.

Ma jistax ikun li Robert Abela u l-Partit Laburista jibqgħu jibagħtu messaġġi lis-soċjetà tagħna li xejn mhu xejn … li min iġib ruħu ħażin, min jiċċappas bil-korruzzjoni, u min jabbuża mill-poter jista’ jibqa’ jokkupa karigi pubbliċi u ta’ responsabbiltà.

Dan huwa att ta’ kattiverja fil-konfront tal-poplu Malti u Għawdxi, speċjalment fil-konfront tal-eluf ta’ Maltin onesti, li ta’ kuljum jagħmlu ħilithom biex iġibu ruħhom bl-iktar mod etiku possibbli. Din il-kattiverja jeħtieġ tieqaf.