Edukazzjoni Lokali Sport

Justyne Caruana tikser il-miżuri tal-COVID-19 biex tara lil Bogdanovic jilgħab

Ħadd mill-partitarji tal-futbol ma tħalla jidħol fl-istadiums fil-Milied li għadda minħabba l-pandemija

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana, ammettiet li marret tara lis-sieħeb tagħha, Daniel Bogdanovic, jilgħab ma’ Għajnsielem fil-Gozo Stadium fil-Milied li għadda waqt żieda allarmanti ta’ każijiet u mwiet bil-Coronavirus u għalhekk, kissret il-miżuri preventivi tal-COVID-19 hekk kif il-pubbliku sportiv kien imxekkel milli jmur jara l-partiti tal-futbol f’Diċembru li għadda.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ministru Caruana lill-Kummissarju tal-Istandards, George Hyzler, dwar il-kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar li tat lis-sieħeb tagħha, iżda fl-ebda ħin ma wieġbet jekk il-preżenza fl-istadium irriżultax fi ksur tar-regolamenti tal-COVID-19.

Skont Caruana, din qatt ma kienet marret tara partita futbol qabel u kien fuq il-parir tal-Kap tas-Segretarjat tagħha, Johnny Camilleri, li marret tara l-partita hekk kif kellha bżonn ftit ħin ta’ mistrieħ, iżda ammettiet li lanqas kienet taf min kien qed jilgħab fil-grawnd.

Il-partitarji tal-futbol setgħu jidħlu fl-istadiums 8 xhur wara li daħlet waħedha l-Ministru Caruana hekk kif dawn iċċaħħdu milli jaraw il-benjamini tagħhom.

Il-Prim Ministru, Robert Abela, għadu stinat iżomm lil Ministru Justyne Caruana fil-kabinett tiegħu minkejja li nstabet ħatja mill-Kummissarju tal-Istandards li abbużat mill-poter tagħha u talli tat kuntratt lussuż ta’ €5,000 fix-xahar lis-sieħeb tagħha, Daniel Bogdanovic, għal 3 xhur ta’ xogħol li qatt ma sar.