Lokali Saħħa

L-għajnuna tal-Maltin hi providenzjali għad-Dar tal-Providenza

Il-poplu Malti qed jerġa’ jintalab jilqa’ l-istedina tad-Dar tal-Providenza sabiex fl-ewwel tas-sena jipparteċipa bi sħiħ fil-Festa ta’ Ġenerożità u jgħin lir-residenti ta’ din id-Dar – maratona li se tixxandar bejn 12pm u 12am fuq il-mezzi kollha tax-xandir.

Dan tħabbar mid-Direttur ta’ din id-Dar, Fr. Martin Micallef, f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha wassal l-aħħar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jikkontribwixxi f’din il-Maratona Ġbir ta’ Fondi li din id-darba se tittella’ fl-istudios tal-WE f’Ħal Qormi, minflok taħt it-tinda fis-Siġġiewi… kawża tal-pandemija.

“Hemmhekk il-pubbliku jista’ jara n-numri li jista’ jċempel fejn jagħti d-donazzjoni tiegħu jew inkella jkun jista’ jagħmel il-pledge. Wieħed jista’ juża s-servizz tal-BOV Mobile App, Paypal jew billi wieħed jiġi fid-dar tagħna s-Siġġiewi f’dawn il-ġranet jagħti d-donazzjoni tiegħu li se tkun inkluża mas-somma li se niġbru fl-ewwel tas-sena.”

Il-konferenza ġiet indirizzata ukoll mill-Amministratur tad-Dar, Nadine Camilleri Cassano, li spjegat kif f’din il-Festa ta’ Ġenerożita’, wieħed jista’ jikkontribwixxi ukoll billi jieħu sehem fl-irkant tal-bċejjeċ tal-arti li bħalissa jinsabu esebiti għall-pubbliku fid-daħla tal-Parlament kuljum,

Intant, Fr. Martin elabora aktar dwar l-iskop li għalih se jkun qed jikkontribwixxi l-poplu Malti:

“Appuntament annwali għall-poplu Malti u Għawdxi biex nkunu nistgħu niġbru donazzjonijiet li d-Dar tant għandha bżonn biex tkun tista’ toffri servizzi residenzjali lil 115-il persuna li għandhom bżonn dan is-servizz, servizzi personalizzati, servizzi li jduru mal-bżonnijiet sħaħ tal-persuna u għalhekk, id-donazzjonijiet li l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jagħti se jmorru għal dan il-għan.”

Hu spjega kif id-Dar tal-Providenza intlaqtet mill-pandemija u x’diffikultajiet kellhom jaffaċċjaw, hekk kif ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi ma setgħux jinżammu:

Il-pandemija affettwetwatna ħażin mil-lat li tlifna persuna mir-residenti li jgħixu f’din id-dar u għalhekk kien mument iebes ħafna għalina. Però għall-grazzja t’Alla kienet sena pożittiva għaliex grazzi għat-tilqima, ir-residenti komplew jiltaqgħu mal-familjari tagħhom u jinvolvu ruħhom f’attivitajiet fil-komunità. Din is-sena, kif forsi l-pubbliku jaf, id-Dar tal-Providenza kienet onorata bil-Premju Ċittadin Ewropew mill-Parlament Ewropew li għalina kien ta’ sodisfazzjon kbir.”

Għalhekk l-appuntament huwa għall-1 ta’ Jannar tas-sena l-ġdida sabiex il-poplu Malti u Għawdxi isegwi din ix-xandira fuq NET Television. U filwaqt li jgawdi mill-ispettaklu mħejji, jagħti daqqa t’id mill-ftit li jista’ lil din id-Dar.