Internazzjonali

L-Omicron: Sqallija attenta għall-firxa tal-varjant ġdid Afrikan wara l-ewwel każ

L-awtoritajiet fi Sqallija qed jgħidu li s-sitwazzjoni tal-Covid f’dan ir-reġjun tinsab taħt kontroll u li qed isiru l-programmi kontinwi ta’ tracking u contact tracing . Dan meta fl-aħħar sigħat kien hemm konferma tal-ewwel kaz tal-Omicron —  il-varjant ġdid tal-coronavirus — f’dik iz-zona.

Il-laboratorji fil-belt ta’ Palermo ikkonfermaw dan il-każ fi żmien meta l-varjant ġdid li ħareġ mill-Afrika t’Isfel qed jinfirex madwar l-Ewropa.

Il-persuna li nstabet pozittiva ghall-Omicron huwa ragel ta’ 41 sena li qed juri sintomi ħfief wara li kien tlaqqam biz-zewg dozi tal-vaċċin. Hu fil-preżent jinsab id-dar fejn qed jgħix f’iżolament biex ma jinfetta lil ħadd.

Nello Musumeci, il-President tar-reġjun ta’ Sqallija, qal li l-każ tal-Omicron f’Palermo ma kienx sorpriża peress li r-reġjun għandu sistema ta’ sorveljanza speċifika għall-iżviluppi tal-pandemija.

Sadanittant, il-Gvern fl-Italja mistenni jestendi l-istat tal-emerġenza għall-Covid-19 sal-31 ta’ Marzu li ġej. Il-konferma għandha toħroġ wara laqgħa  tal-Kabinett Taljan f’Ruma u wara stennija li l-istat tal-emerġenza — li jagħti poteri speċjali lill-Gvern — kien se jeskadi fl-aħħar tas-sena. Id-direttiva spiċċat estiża diversi drabi mindu faqqgħet il-pandemija fl-Italja fl-ewwel xhur tal-2020.

Fir-Renju Unit huma 10 il-persuni li qed jinzammu l-isptar minhabba l-Omicron. Aktar kmieni il-Ministeru tas-Sahha kien indika li hemm 250 fl-isptarijiet – cifra li kienet kwotata hazin minn naha tieghu. Intant, il-Gvern Ingliz jghid illi mhux mistenni li jdahhal aktar restrizzjonijiet.

Il-Gvern Ingliż issa żvela li 11-il pajjiż min-nofs il-ġimgħa, se jitneħħew mill-lista l-ħamra relatata mal-ivvjaġġar lejn ir-Renju Unit u li kienet introdotta fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-pandemija.  

L-Angola, Botswana, Eswatini, il-Lesotho, Malawi, Mozambique, in-Namibja, in-Niġerja, l-Afrika t’Isfel, iż-Żambja u Zimbabwe huma fuq il-lista li kienet introdotta f’Novembru bħala prekawzjoni wara li feġġ il-varjant Omicron.

Sadanittant, is-Segretarju tas-Saħħa Sajid Javid, qal li l-Omicron tant laħaq infirex fir-Renju Unit u l-Ewropa li llum mhemmx aktar skop għall-miżuri fil-konfront tal-pajjiżi speċifikati.