Fid-dawl tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-konfront tal-Ministru Justyne Caruana li ġie ppubblikat aktar kmieni llum, il-pożizzjoni tal-Ministru m’għadhiex tenibbli u għalhekk, Robert Abela għandu jneħħiha immedjatament. Dan hu mument ieħor ta’ prova għal Robert Abela u diġà għadda biżżejjed żmien li matulu messu aġixxa.
Fi stqarrija, f’isem il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Kelliem għall-Governanza Tajba Therese Comodini Cachia, il-Partit Nazzjonalista qal li l-konklużjonijiet tar-rapport jikkonfermaw ksur ta’ Kodiċi ta’ Etika u trattament preferenzjali mill-Ministru Justyne Caruana lil Daniel Bogdanovic, li ngħata direct order li għaliha la kien ikkwalifikat u wisq anqas kellu l-kompetenza u l-ħiliet li jwettaq ix-xogħol li ġie fdat lilu. Ir-rapport tal-Kummissarju jagħmilha ċara li hemm potenzjalment ksur ta’ liġi li dwaru l-Pulizija għandha tieħu azzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista tenna li m’hemmx aktar ħin x’jintilef. Robert Abela għandu jaġixxi minnufih għax is-settur tal-Edukazzjoni għandu bżonn Ministru li jagħtih gwida u jinvesti fl-għalliema kif meħtieġ u mhux tberbiq u nfieq ta’ flus fuq ħbieb.
//= $special ?>