Coronavirus Lokali Qorti

Tfajla titlob danni wara li spiċċat b’diżabilità permanenti wara li ħadet il-vaċċin b’labra infettata

(Ritratt: EPA)

Tfajla ta’ 24 sena minn Ħaż-Żabbar għamlet talba għad-danni wara li spiċċat b’diżabilita permanenti kaġun tal-fatt li meta f’Mejju li għadda marret biex tieħu l-vaċċin tal-COVID19, il-labra kienet infettatata u esponietha għal mikrobu f’idejha.

F’ittra uffiċjali li ġiet preżentata fil-Prim Awla tal-Qori Ċivili, ż-żagħugħa qalet li fil-21 ta’ Mejju li għadda meta hija ġiet amministrata l-vaċċin tat-tip Johnson and Johnson mill-Awtorita tas-Saħa Pubblika ġewwa l-MCAST, Raħal Ġdid, jirriżulta mir-rekords mediċi li l-labra kienet infettata.

It-tfajla qed titlob biex fi żmien jumejn minn notifika ta’ din l-ittra uffiċjali, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Servizzi tas-Saħħa, il-Ministeru tas-Saħħa, s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u l-Uffiċjal Mediku Ewlieni jersqu għal ħlas ta’ likwidizzajoni ta’ danni kkawżati lilha.

Dan peress li d-diżabilità permanenti li llum hija qed issofri saret kaġun dirett tal-aġir ta’ dawk responsabbli, u dan minħabba nuqqas ta’ dilliġenza, prudenza jew ta’ ħsieb, bi traskuraġni u dan wara li naqsu li josservaw ir-regolamenti mediċi u jagħtu lit-tfajla l-għajnuna medika meħtieġa, u dan minkejja li ċ-ċirkostanzi hekk kienu jiddettaw.

Il-vittma qed tinforma lill-awtoritajiet li fin-nuqqas ta’ azzjoni, hija disposta tipproċedi ulterjorament fil-konfront tagħhom, inkluż bil-ħruġ ta’ mandati opportuni. L-ittra uffiċjali kienet iffirmata mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb.