Sport Sport Ieħor

Yazmin Zammit Stevens tinżamm fi kwarantina minkejja ftehim differenti mal-Awtoritajiet tas-Saħħa

Il-weightlifter Maltija Yazmin Zammit Stevens qed tinżamm fi kwarantina wara l-wasla tagħha mill-Commonwealth Championships li saru fl-Uzbekistan fejn kisbet ukoll il-midalja tal-bronż. Jidher li Zammit Stevens kellha ftehim differenti mal-Awtoritajiet tas-Saħħa ta’ pajjiżna fejn hi flimkien mat-tim tagħha kienu se jkunu eżentati mill-kwarantina wara li jaslu lura mill-Uzbekistan.

F’messaġġ fuq Instagram, Zammit Stevens qalet li fl-aħħar ġurnata tagħha fl-Uzbekistan, hi u t-tim tagħha rċivew email, li tgħid li jridu jagħmlu ġimgħatejn kwarantina fejn se tkun qed tqatta’ wkoll iż-żminijiet tal-festi l-bogħod mill-familjari tagħha. L-atleta olimpika qalet ukoll li kien neċessarju għaliha li tikkompeti f’dawn il-Kampjonati sabiex tkun tista’ tikkwalifika għall-Logħob tal-Commonwealth li se jsiru f’Birmingham is-sena d-dieħla.

Zammit Stevens żiedet tgħid li qed tħossha ddisrispettata bħala atleta li wara li kienet imwegħda esenzzjoni mill-kwarantina, fl-aħħar ħinijiet biex tirritorna f’pajjiżna, l-Awtoritajiet tas-Saħħa jagħżlu li jbiddlu d-deċiżjoni tagħhom.