Eks Ministru fil-koalizzjoni tal-Prim Ministru Soċjalista Albaniż, Edi Rama, spiċċa arrestat fuq suspett ta’ korruzzjoni. Dan wara li hu, allegatament, daħħal diversi miljuni ta’ ewros, waqt kampanja ta’ tixħim sfrenat li kien jifforma parti minnha.
Lefter Koka (ritratt), eks Ministru għall-Ambjent bejn l-2013u l-2017, qed ikun akkużat dwar abbuż ta’ poter, korruzzjoni u ħasil ta’ flus relatati ma’ kuntratti għall-ħruq tal-iskart fil-belt ta’ Elbasan.
Skond il-Prosekutur Speċjali kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata, Koka hu suspettat li rċieva talanqas 3.7 miljun ewro talli favorixxa żewġ kumpaniji waqt l-għoti tal-kuntratti.
Lefter Koka, li għandu 57 sena, hu membru ta’ partit żgħir taċ-ċentru-xellug li qabel kien jifforma parti mill-Gvern ta’ koalizzjoni ta’ Rama. Koka serva wkoll bħala deputat fil-Parlament u bħala s-sindku tal-belt tal-port ta’ Durres.
Sadanittant, żewġ negozjanti wkoll spiċċaw arrestati b’konnessjoni mal-investigazzjoni, bl-assi tas-suspettati kollha fil-każ jispiċċaw sekwestrati.
Skont il-kodiċi kriminali tal-Albanija, l-eks Ministru Koka kapaċi jeħel sa 12-il-sena ħabs.
L-Albanija hi fost il-pajjiżi li ssemmew l-aktar fir-rigward tal-korruzzjoni u l-Unjoni Ewropea qed tinsisti biex dan il-pajjiż iħarrax il-ġlieda kontra l-aġir kriminali bħala kundizzjoni importanti għall-isħubija futura ( tal-Albanija) f’din l-Unjoni ta’ Stati Ewropej.
//= $special ?>