Internazzjonali

Covid-19: Il-WHO twissi li l-varjant Omicron qed jinfirex b’rata allarmanti — fost appelli għal kawtela

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li l-varjant ġdid Omicron tal-Covid-19 qed jinfirex b’rata allarmanti madwar id-dinja u biex il-popli jieħdu l-prekawazjonijiet neċessarji kollha fiċ-ċirkustanzi. L-ilbies tal-maskri ssemma fost dawn il-prekawzjonijiet, meta d-dinja bdiet tilqa’ il-mewġa tal-aħħar varjant li ħareġ ġimgħat ilu mill-Afrika t’Isfel.

Il-varjant inkwistjoni, fl-aħħar ġimgħat, għadda mill-bidliet notevoli meta hu differenti ħafna mill-versjonijiet preċedenti tal-coronavirus.

Il-preżenza tal-Omicron, s’issa, kienet ikkonfermata f’77 pajjiż, waqt li s-Direttur-Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, tkellem dwar il-probabbiltà li l-virus infetta lil ħafna oħrajn ‘li għad iridu jindunaw li huma carriers’.

Tedros anki esprima t-tħassib tiegħu li mhux isir biżżejjed mill-pajjiżi biex il-varjant ikun ikkontrollat, waqt li saħaq li ‘in-nies tad-dinja imisshom tgħallmu li dan mhux virus li jittieħed biċ-ċajt’.

Id-Direttur-Ġenerali tal-WHO kompla li anki f’każ li l-Omicron ma jikkaġunax mard daqstant serju fil-bniedem, kull sitwazzjoni li tipproduċi numru eżaġerat ta’ każi kapaċi timponi piż insapportabbli għas-sistemi tas-saħħa ta’ diversi pajjiżi.

L-aħħar data mill-WHO tindika li l-varjant Afrikan kapaċi ‘jiżgiċċa’ aħjar lill-vaċċini ta’ kontra l-Covid u meta hemm probabbiltà akbar ta’ infezzjoni għall-persuni li kienu mardu diġà bil-virus.

Filwaqt li l-WHO qed tinsisti li l-livell tar-riskju hu għoli ferm, qed jidher li ma ħadmux id-direttivi ta’ pajjiżi biex jipprojbixxu l-ivvjaġġar mill-Afrika t’Isfel u l-Istati ġirien tal-kontinent — bil-varjant ġdid qed jinfirex b’mod rapidu minn pajjiż għall-ieħor.

Renju Unit

Il-Britanniċi, f’dawn il-jiem, iridu jidraw il-miżuri ġodda tas-sigurtà relatati mal-pandemija meta l-adulti fl-Ingilterra, minn issa ‘il quddiem, iridu jipproduċu dokument magħruf bħala Covid pass biex jidħlu fin-nightclubs jew biex jattendu għal numru ta’ avvenimenti pubbliċi – inklużi sportivi.

Il-miżura għaddiet mill-House of Commons ta’ Londra minkejja li kważi 100 deputat tal-Partit Konservattiv fil-Gvern ivvutaw kontra l-pjani tal-amministrazzjoni.

Skont ir-regoli ġodda li daħlu fis-seħħ, persuna fl-Ingilterra trid turi l-provi li ħadet iż-żewġ tilqimiet (double vaccination) kontra l-Covid biex tattendi għal diversi avvenimenti. Il-miżura tirrikjedi wkoll biex, f’każ ta’ bżonn, persuna turi li hi, riċentement, kienet suġġetta għal test negattiv.

Il-miżura għaddiet mill-Parlament grazzi għall-appoġġ mill-Oppożizzjoni u meta t-tabiba Jenny Harries, bħala Kap Eżekuttiv tal-UK Health Security Agency, qed issostni li l-infezzjonijiet bl-Omicron idruppjaw f’anqas minn jumejn, f’ħafna reġjuni tar-Renju Unit.

Ġermanja

Il-pulizija fl-Istat Ġermaniż ta’ Sassonja ( fin-naħa t’isfel tal-pajjiż) wettqu sensiela ta’ rejds wara li l-Prim Ministru tal-Istat, Michael Kretschmer spiċċa mira ta’ theddid kontra ħajtu.

L-attivisti estremisti tal-lemin li huma akkost ta’ kollox kontra l-vaċċinazzjoni huma suspettati dwar kumplott għall-vjolenza li kellu jinvolvi l-crossbows u armi oħra. Qed jingħad li Michael Kretschmer spiċċa mira speċifika wara li hu appoġġja l-miżuri riġidi għat-trażżin tal-coronavirus f’Sassonja – l-inqas Stat Ġermaniż fejn tlaqqmu residenti.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, fl-aħħar sigħat, indirizza lid-deputati parlamentari f’Berlin fejn sostna li din il-minoranza ta’ estremisti ‘mhix se titħalla timponi r-rieda tagħha fuq is-soċjetà.’