Il-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali kkonfermat il-ħadma tat-3 sptarijiet, bi twiddiba lill-Gvern għal nuqqas kbir fil-kuntratt tat-3 sptarijiet.
Dan qaluh id-Deputati Stephen Spiteri u Adrian Delia u l-Kandidat Darren Carabott tul konferenza tal-aħbarjiet li ttellgħat l-Erbgħa waranofsinhar.
Stephen Spiteri min-naħa tiegħu ta ħarsa lejn ir-rapport tal-Awditur Ġenerali illi kompla juri kif il-bejgħ tat-3 sptarijiet kien wieħed frowdulenti. Huwa tenna li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tisħaq biex isir il-ġid fil-konfront tal-poplu Malti u Għawdxi. Huwa qal li bil-flus li qed jieħdu Steward, nistgħu nagħtu ħafna aktar lill-poplu Malti, inkluż aktar mediċini lil pazjent morda bil-kanċer, jinvesti iktar fis-saħħa mentali, iżid il-mediċini fuq il-formolarju tal-Gvern, jinvesti iktar f’xiri ta’ apparat modern u jżid ir-riżorsa umana.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia fakkar kif hu fetaħ kawża l-Qorti sabiex dawn it-tliet sptarijiet jerġgħu jingħataw lill-poplu Malti għax ta’ kuljum il-poplu għadu qed jinsteraq il-miljuni. Adrian Delia qal huwa evidenti li qed jingħataw eluf ta’ miljuni biex suppost tittejjeb is-sitwazzjoni tas-saħħa f’Malta u f’Għawdex, iżda minflok il-poplu qiegħed ikun misruq. Huwa tenna l-poplu se jibqa’ jħallas minn butu l-miljuni ghal 3 xhur oħra għax il-Gvern qiegħed jibqa’ jiddefendi l-barranin minflok liċ-ċittadini li suppost jirrapreżenta.
Darren Carabott qal li 6 snin wara li ngħata dan il-kuntratt, illum qed jinħareġ aktar fil-beraħ li dan il-kuntratt kien skandlu, fejn il-poplu ma ħa xejn minnu, anzi l-oppost. Huwa qal li l-Awditur Ġenerali wera biċ-ċar li dan il-kuntratt qed jisraq lill-Maltin u l-Għawdxin, u li mill-miljuni li qed nagħtu, qed nieħdu ftit li xejn.
//= $special ?>