Waqt ċerimonja fil-15 ta’ Diċembru, it-tifla ta’ Alexei Navalny, Daria Navalnaya, irċeviet il-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew f’isem missierha li huwa l-ħabs.
Alexei Navalny, li bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ ħabs f’kolonja ta’ xogħol furzat fir-Russja, huwa għal aktar minn għaxar snin figura ewlenija fl-oppożizzjoni tal-pajjiż, magħruf għall-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-Kremlin.
Fil-kliem introduttorju tiegħu, il-President tal-Parlament David Sassoli faħħar il-kuraġġ ta’ Navalny:
“Huwa ġie mhedded, ittorturat, avvelenat, arrestat, mitfuħ fil-ħabs, iżda ma setgħux iwaqqfuh milli jitkellem… Huwa kellu l-kuraġġ jikkonfronta reġim awtoritarju u abbużiv u jesponi fid-dawl tax-xemx il-korruzzjoni u persuni korrotti. Alexei Navalny darba qal li l-korruzzjoni tiffjorixxi meta jkun hemm nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Nemmen li għandu raġun. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija wkoll ġlieda għar-rispett tad-drittijiet universali tal-bniedem. Hija ċertament ġlieda għad-dinjità tal-bniedem, għall-governanza tajba u għall-istat tad-dritt”, qal Sassoli, filwaqt li appella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu.
Hi hu taċċetta l-premju f’isem Navalny, Daria Navalnaya ikkritikat lil dawk li huma ħerqana li jakkomodaw lid-dittaturi fl-interess tal-pragmatiżmu, filwaqt li insistiet li l-Ewropa trid tibqa’ leali lejn l-ideali tagħha: “Meta ktibt lill-missieri u staqsejtu: X’tixtieq li ngħid quddiem il-Parlament Ewropew? qalli: għid li ħadd m’għandu jqis ir-Russja u l-Putin bħla l-istess ħaġa. Ir-Russja hija parti mill-Ewropa, u qed nistinkaw biex insiru parti minnha. Iżda rridu wkoll li l-Ewropa tistinka biex tibqa’ leali għaliha nnifisha, għal dawk l-ideat tal-għaġeb, li huma fil-qalba tagħha. Aħna nistinkaw għal Ewropa ta’ ideat, iċ-ċelebrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-integrità.”
Preżenti wkoll fiċ-ċerimonja fi Strasburgu kien Leonid Volkov, wieħed mill-konsulenti politiċi tas-Sur Navalny li serva bħala kap tal-persunal matul il-kampanja elettorali presidenzjali ta’ Navalny fl-2018.
//= $special ?>