Għal dawn il-festi tal-Milied, Caritas Malta ħabbret numru ta’ inizjattivi għal dawk il-persuni li jinsabu waħedhom bħala alternattiva għall-ikla tal-Milied li kienet tinżamm kull sena.
Julian Sammut, Chairperson tal-Alfred Mizzi Foundation, responsabbli mit-tqassim tal-ikel f’din l-inizjattiva, saħaq li permezz tal-impenn tal-Caritas u l-ikel provdut minnhom bħala kumpanija … konvint li se joħroġ il-ġid minn ċirkostanzi xejn pjaċevoli.
“Dħalna għaliha b’ruħna u ġisimna, nirringrazzja lil kulħadd tal-għajnuna, lill-ħaddiema tagħna. Hija xi ħaġa speċjali immens, għaliex verament kif jgħidu, aktar sodisfazzjon meta tagħti, milli tieħu. L-atmosfera, l-ambjent u l-ferħ li kien ikun hemm fl-ikla tal-Milied li kienet tittella’ fil-Kurja qabel l-imxija, kienet tassew il-qofol tal-festi tal-Milied għalija”
Id-direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal li f’Jum il-Milied se jitqassam l-ikel lil ‘il fuq minn 800 persuna, b’aktar minn 800 porzjon ta’ imqarun u dundjan bil-ħaxix. Dan kollux frott impenn kbir mill-volontieri.
Caritas Malta se tkun qed toffri wkoll servizz fejn wieħed ikun jista’ jċempel biex f’dawn iż-żminijiet ma jkunx waħdu u jkollu ma’ min jitħaddet.
Mons. Charles Cordina min-naħa tiegħu qal li l-imxija tal-Covid ġabet magħha sfidi kbar, iżda fir-realtà ħolqot aktar opportunitajiet biex wieħed jgħin u jwettaq il-karità, mhux biss f’dan iż-żmien tal-Milied, imma tul is-sena kollha.
Huwa spjega kemm hu sabiħ li tara li hemm mal-120 voluntier li fil-25 ta’ Diċembru se jkunu qed jgħinu biex l-ikel jasal għand in-nies kif suppost; fejn min hu waħdu jew f’sitwazzjonijiet diffiċli se jkollu wkoll l-opportunità jesperjenza il-wens f’jum il-Milied.
//= $special ?>