L-indikazzjonijiet kollha qed juru li David Sassoli, il-President attwali tal-Parlament Ewropew mhux se jkun qiegħed jikkontesta għall-elezzjoni li ser isir f’Jannar li gej – fi kliem semplici, mhux se jikkontesta għal din il-kariga.
Fl-istess waqt ġie kkonfermat wkoll li mhux se jikkontestaw aktar kandidati mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għal din il-kariga tant importanti. Dan ifisser li l-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola ser ikollha ċans akbar sabiex tirbaħ din l-elezzjoni u tibda tokkupa din il-pożizzjoni prestiġġjuża immens, mhux biss għaliha iżda ankè għal pajjiżna.
Dawn l-iżviluppi seħħew wara li fl-24 ta’ Novembru li għadda … Roberta Metsola intgħażlet bħala kandidat għall-President tal-Parlament Ewropew mill-Partit Popolari Ewropew, fejn għelbet lill-Membru Parlamentari Ewropew Olandiża Esther de Lange u l-MEP Awstrijak Othmar Karas. Hi kienet rebħet b’112-il vot minn 174 … jiġifieri aktar minn 64%.
Rapporti fil-media Ewropea qed jindikaw li minkejja li l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi prova jinnegozja ftehim mal-grupp liberali biex jifforma koalizzjoni, Iratxe García, il-Kap ta’ l-istess grupp, kkonfermat li l-ftehim ma nltaħaqx. Għalhekk, diversi sorsi indikaw li l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi x’aktarx jappoġġjaw lil Roberta Metsola ġaladarba jintlaħaq qbil bejn il-PPE u l-grupp tal-S&D dwar prijoritajiet leġiżlattivi u distribuzzjoni ta’ karigi istituzzjonali – bħall-ħatra ta’ viċi presidenti.
Din id-deċiżjoni tfisser ritorn għal ftehim bejn is-soċjalisti Ewropej u l-Partit Popolari Ewropew.
Il-Partit Popolari Ewropew huwa l-aktar grupp politiku li għandu rappreżentanza fil-Parlament Ewropew, b’182 siġġu. Warajhom l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi b’154, il-grupp Renew Europe b’108, il-lemin estrem b’73 siġġu, il-grupp tal-Ħodor b’74 siġġu, il-Grupp tal-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej b’62 u warajhom il-Grupp Konfederali tax-Xellug Magħqud b’41 siġġu.
Jekk Roberta Metsola tirbaħ l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Jannar, hija se tkun qed tikseb l-ogħla pożizzjoni għal Maltija fl-Ewropa… kif ukoll l-ewwel mara li tiġi eletta bħala President tal-Parlament tal-Unjoni Ewropea f’aktar minn 20 sena.
//= $special ?>