“L-MTA ġabuha ATM”. Dan hu l-kliem li qed jingħad minn persuni midħla sew ta’ dak li issa ilu s-snin għaddej minn taħt imnieħer il-prim Ministru Robert Abela, u dak tal-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Skont sorsi li tkellmu ma’ Net News, inkluż ħaddiema ġenwini li ddejqu b’din il-pantomima, il-Prim Ministru jaf b’dak li għaddej fl-MTA imma huwa kompletament bla saħħa fil-konfront ta’ nies bħal Lionel Gerada.
Gerada huwa magħruf għar-rabtiet mill-qrib tiegħu ma’ Konrad Mizzi u fl-aħħar ġranet kien fl-aħbarijet meta t-Times żvelat kif xi ħaddiema tal-Awtorità tat-Turiżmu kienu se jagħmlu ġimgħatejn alloġġjati f’lukanda lussuża fil-Floriana sabiex ikunu qrib l-attivitajiet tal-Belt.
Iżda NET NEWS jista’ jiżvela li dawn l-affarijiet ilhom jiġru. Is-sorsi tagħna qalulna li fis-sajf, għadd ta’ impjegati u persuni oħra bbukkjaw numru ta’ ljieli f’lukanda oħra lussuża, u ftit tal-ġimgħat ilu l-poplu Malti ħallas ukoll għal party kbir li sar mill-MTA.
L-informazzjoni li għandna hi li għal dan il-party kienu mistiedna ħafna rappreżentanti barranin, li għalhom ħallasna minn butna aħna kull spiża ta’ vvjaġġar u akkomodazzjoni.
U waqt li mill-ATM tal-MTA ħerġin flus bil-gliegel minn flus il-Maltin, il-Ministru Bartolo jibqa’ ċass.
//= $special ?>