L-Union tal-Infermieri u Qwiebel (MUMN) wissiet li n-nuqqas ta’ infermieri fis-sistema tas-saħħa f’Malta hi kriżi bla rażan. Fi stqarrija li matulha ħabbret li 14-il infermier irriżenjaw mill-Isptar Karin Grech f’temp ta’ ġimgħatejn, l-MUMN qalet li n-nuqqas ta’ infermieri f’dan l-isptar issa tela’ għal 50.
Minħabba dan in-nuqqas ftit iktar min-nofs tas-sodod disponibbli f’Karin Grech qed ikunu utilizzati; 140 minn 270 possibbli.
L-MUMN qalet li hu fatt magħruf x’qed jiġri hekk kif infermieri barranin qed jiġu Malta, jagħmlu sentejn biex jiksbu esperjenza u mbagħad jitilqu lejn ir-Renju Unit li joffri pagi li huma ħafna aħjar minn dawk offruti f’Malta.
Sitwazzjoni simili anki fl-Isptar Mater Dei fejn medja ta’ tliet infermieri kull ġimgħa qed jirriżenjaw biex imorru jaħdmu fir-Renju Unit.
L-MUMN qalet li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne iktar hu moħħu fil-kampanja elettorali milli biex jindirizza din il-kriżi.
L-istqarrija tkompli li diversi sforzi li saru mill-union mal-Ministru Fearne u s-Segretarju Permanenti sabiex ikun hemm ftehim settorjali ġdid sabiex tiġi indirizzata din l-emorraġija kienu kollha għalxejn. “Filwaqt li diversi pajjiżi fl-UE qed jindirizzaw il-problema billi jtejjbu l-kundizzjonijiet u s-salarji tal-infermieri, il-priorita’ tal-Ministeru tas-Saħħa f’Malta hi l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss,” ittemm l-MUMN.
//= $special ?>