Lokali

Silvio Schembri fommu sieket dwar diskrepanza ta’ 17-il miljun ewro fil-kiri tal-uffiċċju tal-MBR

Il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri naqas milli jispjega is-17-il miljun ewro diskrepanza bejn dak li qal kienet in-nefqa tal-kirja tal-uffiċċju tal-Malta Business Registry fiż-Żejtun u x’ikkonkluda studju li sar mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali f’rapport li ddeskriva l-ispejjeż bħala ‘projbittivi’.

The Shift News qalet li ftit tal-ġimgħat ilu, Schembri fil-Parlament qal li l-kirja qed tiswa €454,335 fis-sena, u tiżdied bi 3% fis-sena għal perjodu ta’ 15-il sena. Skont il-kalkoli ta’ The Shift, dan għandu jfisser ħlas totali ta’ €8.4 miljun matul it-tul tal-kirja, bil-ħlas annwali u finali jilħaq €686,715 fl-2033.

Madankollu, l-informazzjoni li Schembri pprovda lill-Parlament tvarja b’mod sinifikanti mir-riżultati ta’ awditur tal-NAO. L-NAO, wara li wettaq studju tal-kuntratt tal-kera, ikkonkluda li l-kontributuri se jħallsu total ta’ €26 miljun sa tmiem l-2033, meta tintemm il-kirja u l-bini jintbagħat lura lis-sidien tiegħu.