Lokali

Villabianca se toffri iktar inklużjoni effettiva għat-tfal u l-adoloxxenti

“Irridu nkomplu naħdmu biex inġibu inklużjoni effettiva għat-tfal li għandhom abbiltajiet differenti.”

Kliem il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca hekk kif sar il-ftuħ uffiċjali ta’ Villabianca – ċentru għall-mużika u l-arti, fejn tfal li b’abbiltajiet differenti se jkunu jistgħu jitgħallmu l-mużika u arti differenti.

Fransina Abela flimkien mar-raġel tagħha Maurice offrew il-villa tagħhom li kienet magħrufa bħala l-‘Fransina Abela Brincat Paino School’ sabiex  jilqgħu fiha lil dawn it-tfal u adoloxxenti.

Dan l-ispazju se joffri ambjent san u opportunitajiet ġodda lil diversi tfal u adoloxxenti sabiex jesprimu t-talenti tagħhom minkejja li għandhom abbiltajiet differenti. 

Din il-ħolma setgħet issir realtà grazzi għall-ħidma tal-Malta Trust Foundation mmexxija minn Marie Louise Coleiro Preca fejn minn naha taghha spjegatilna kif din hija biss l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett …ghaliex hemm il-ħsieb li din id-dar tkompli tikber u toffri servizzi addizzjonali.

Hija qalet li kull tifel u tifla għandhom ikollhom aċċess għall-mużika u l-arti minkejja d-diffikultajiet li jaffaċċjaw f’ħajjithom.

Villabianca, fil-fatt, se toffri opportuntajiet ġodda lil dawn it-tfal permezz ta’ sapport professjonali li se jgħinhom jiżviluppaw it-talenti tagħhom.