Lokali Qorti

Fenech kien żvela ma’ Ministru mill-Bangladesh li kellu kuntatt ma’ Joseph Muscat

Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien qal lil Ministru tal-kabinett tal-Bangladexx li kellu kuntatt mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat waqt ‘chat’ fuq Whatsapp fejn jiddiskuti l-proġett tal-Electrogas. Dan ħareġ meta l-Ispettur Kurt Zahra kien qed jixhed f’kawża Kostituzzjonali mressqa minn Fenech, li qed tinstema’ mill-Imħallef Miriam Hayman.

Fil-kawża, Fenech qed isostni li d-drittijiet fundamentali tiegħu qed jinkisru mill-“oġġezzjonijiet arbitrarji” tal-Avukat tal-Istat għall-ħafna mit-talbiet tiegħu għall-ħelsien mill-arrest. Mill-pedana tax-xhieda, Zahra xehed dwar ir-rabtiet li Fenech għandu lil hinn mix-xtut tal-Ewropa.

Dawn ir-rabtiet joħorġu minn data estratta mill-mowbajl tiegħu, huwa qal lill-qorti. Zahra spjega li bħala Spettur tal-Pulizija fl-Iskwadra tal-Omiċidji, kien involut fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caurana Galizia. Ir-rwol tiegħu kien li jara jekk kienx hemm xi data rilevanti għall-investigazzjoni dwar l-apparat elettroniku tal-akkużat.

L-Avukat tal-Istat Chris Soler staqsa lix-xhud dwar rabtiet u finanzjament relatati ma’ Fenech li jestendu lil hinn mill-Ewropa. Zahra wieġeb li se jkun qed jagħmel referenza għal erba’ ‘chats’ estratti mill-apparat ta’ Fenech, u spjega li se jkun qed jixhed biss fir-rigward tal-qasam ta’ kompetenza tiegħu u jevita kull informazzjoni finanzjarja li tkun qed tiġi ttrattata minn uffiċjali oħra.

Chat waħda kienet ma’ Salman Rahman, Ministru tal-kabinett fil-Bangladexx. F”chat’ fuq Whatsapp ma’ Rahman, il-Ministru kien qed jinforma lil Fenech bil-ħatra ta’ Rahman fil-kabinett bħala konsulent tal-Prim Ministru tal-Bangladexx. Frażi miċ-chat, l-Ispettur qal li Fenech staqsa lil Rahman jekk jistax jgħin b’xi mod.

Fil-konverżazzjoni, li l-Ispettur qal kienet tinkludi lill-eks direttur kummerċjali tal-Electrogas Catherine Halpin u Pierre Portelli, Fenech jgħid lil Rahman li għandu “kuntatt” mal-Prim Ministru f’Malta. “Fis-26 ta’ Jannar 2019 fi chat ma’ Portelli, Fenech jirreferi għal Rahman bħala s-sieħeb tiegħu u jgħid li għada sejjer il-kapitali tal-Bangladexx.”

“Ma’ Kathrin Halpin Fenech jitkellem dwar il-proġetti tiegħu fil-Bangladexx, proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jagħti dimensjonijiet tal-unitajiet tad-djar.” Fi chat ieħor ta’ grupp mar-rappreżentanti tas-SOCAR Turab Musayev u Hayal Ahmadzada, Musayev jgħid lil Fenech biex jiddiskuti opportunitajiet fil-Libja.

L-Ispettur qal li hu “ma kienx eżawrjenti” fiċ-chats li esebixxa fil-Qorti, hekk kif xi wħud minnhom kienu xehdu dwarhom minn xhieda oħra tal-prosekuzzjoni, u żied li l-investigazzjonijiet dwar l-informazzjoni li kien fihom kienu għadhom għaddejjin.

Għal Fenech qed jidhru l-avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri filwaqt li l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. Il-każ ikompli fit-12 ta’ Jannar 1300. għall-kontroeżamijiet u l-għeluq tal-provi.