Tissokta d-difiża tal-Kabinett ta’ Robert Abela għall-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana. Dan wara l-iskandlu tal-kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar li tat lis-sieħeb tagħha, Daniel Bogdanovic, għal rapport li lanqas biss għamlu hu.
Il-Ħamis, kien imiss lill-Ministru Miriam Dalli li tinħeba wara l-proċess parlamentari tal-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika – eżatt bħalma għamel il-Prim Ministru. Għalkemm il-membri tal-Gvern qed jinjoraw li b’mod parallel għaddejja investigazzjoni mill-Pulizija:
“Hemm proċess għaddej, proċess li skatta, proċess li hu stabbilit u qed jiġi segwit dak il-proċess.”
B’din it-twegiba, Miriam Dalli tingħaqad ma’ sħabha fid-difiza għal din l-istorja skandaluża – saga ta’ gideb u abbuż ta’ poter; bil-Kummissarju George Hyzler jitlob lil-Pulizija sabiex jinvestigaw dak li kien każ ta’ ksur tal-kodiċi kriminali.
Miriam Dalli kienet evażiva lejn għadd ta’ mistoqsijiet, fosthom jekk dawn humiex l-istandards ta’ governanza li tkellem fuqhom il-Prim Ministru u għalfejn qed jintużaw 2 kejlijiet, wieħed għal Justyne Caruana u ieħor għal Rosianne Cutajar.
“Hemm proċess maqbul bejn iż-2 naħat u dak qed jiġi segwit.”
Ir-rapport ta’ George Hyzler ikkonkluda li l-Ministru tal-Edukazzjoni abbużat mill-pożizzjoni tagħha u kisret il-kodiċi tal-etika tal-Ministri billi trattat lil Daniel Bogdanovic b’mod preferenzjali u tagħtu kuntratt ta’ tliet xhur għal xogħol li lanqas biss kien kwalifikat għalih.
Aktar kmieni din il-gimgha, il-Kap tal-PN Bernard Grech insista li Robert Abela għandu minnufih ikeċċi lil Justyne Caruana u jara wkoll li kull uffiċjal pubbliku involut f’dan l-iskandlu jitneħħa immedjatament.
Dan apparti li jkun assigurat li l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-ħajja pubblika jkompli jagħmel xogħlu, kif titlob is-saltna tad-dritt.
//= $special ?>