Lokali

Appell biex il-Gvern jisma’ u biex kull wieħed minna jkun aġent tal-bidla

“Għaddew 50 xahar u għadna nistennew li ssir ġustizzja”.

Dan kien il-kliem li fetaħ il-velja għall-verità u l-ġustizzja fil-50 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li saret f’Misraħ l-Assedju l-Kbir.

Tul il-vġili saru referenzi għal skandli li kienet kixfet Daphne Caruana Galizia fosthom dak tad-deal skandaluż tal-isptarijiet kif ukoll dak tal-Electrogas.

Matthew Grech staqsa jekk il-Gvern hux lest jisma’. Dan fil-kuntest tal-ħafna drabi li l-Gvern webbes rasu u ma semax. Fost l-aktar drabi riċenti fil-kwestjoni tal-liġi tal-Kannabis fejn il-Gvern rema’ għal kollox it-talbiet ta’ 57 organizzazzjoni u baqa’ għaddej romblu, fil-kwestjoni ta’ Rosianne Cutajar li minkejja li nstabet ħatja mill-Kummissarju għall-Istandards baqgħet ma ngħatat l-ebda konsegwenza, u issa l-kwestjoni tal-Ministru Justyne Caruana.

Kuljum qed nibqgħu nixhdu f’pajjiżna din l-impunità li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. U kuljum nibqgħu naraw l-effett ta’ dan f’diversi aspetti tal-ħajja tagħna, fosthom fuq il-mezzi tal-media soċjali fost l-oħrajn, imma mhux biss. Tlifna il-boxla morali tagħna, qalet Benna Chase filwaqt li ħeġġet biex kulħadd ikun aktar konxju ta’ kif hu jista’ jkun aġent ta’ bidla għat-tajjeb ta’ dan in-Nazzjon, u li l-paċi huwa kunċett li jitlob ukoll deċiżjonijiet kuraġġużi.

Neil Zahra mill-KSU staqsa jekk hux lest jgħix f’pajjiż fejn mhux kulħadd jingħata level playing field, u fejn hawn min jingħata €15,000 biex jagħmel xogħol fil-Ministeru tal-ħabiba tiegħu. Zahra qal li hu kien iddeċieda li jitkellem illejla għaliex ma jistax jibqa’ b’ħalqu magħluq quddiem dak kollu li qed jiġri u li rridu nibqgħu ilkoll insemmgħu leħinnha biex ngħixu f’pajjiż ġust, anke jekk ifisser li taqla’ l-ħars bl-ikrah,

Minn naħa tagħha Louiselle Vassallo tkellmet ukoll dwar il-kaz ta’ Justyne Caruana, u rreferiet għaliha bħala ‘Ministru tal-Edukazzjoni li ma tgħallmitx il-lezzjoni’, wara li kienet diġa sabet ruħha f’pożizzjoni mhux tenibbli minħabba żewġha Silvio Valletta, u issa reġgħet daħlet f’basla oħra wara li impjegat lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic fil-Ministeru tagħha. Vassallo ddeskriviet id-Deputati tal-Labour bħala Politiċi medjokri u Politiċi Kriminali li jħossuhom ‘Kinks’.

Fl-aħħar stiednet lill-Ministri Laburisti jippubblikaw kull kuntratt li ffirmaw kelma b’kelma f’isem il-poplu Malti jekk vera jridu jimpressjonaw.