Il-poplu Awstraljan jinsab ixxukkjat wara traġedja rari li fiha tilfu ħajjithom ħamest itfal li spiċċaw jaqgħu għoli ta’ għaxar metri minn bouncy castle li kien inġarr minn buffura ta’ riħ qawwija. Il-vittmi kienu jinkudu subien u bniet, bl-inċident iseħħ fi skola primarja fl-inħawi ta’ Davenport, fl-Istat ta’ Tasmania.
L-awtoritajiet sadanittant qalu li l-etajiet tal-vittmi kienu bejn l-għaxra u t-tnax-il sena, b’kelliema għall-pulizija jikkonfermaw li r-riħ qawwi litteralment tella’ l-bouncy castle u numru ta’ blalen kbar fl-ajru – bil-konsegwenza li t-tfal fuq il-bouncy castle spiċċaw jaqgħu għal mewthom mill-għoli.
Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, fisser l-inċident bħala ‘żvilupp ta’ swied il-qalb enormi għall-pajjiż’ waqt li wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittmi.
Il-paramediċi wieġbu mal-ewwel għall-emerġenza fl-iskola primarja ta’ Hillcrest – b’uħud mit-tfal li nstabu mal-art jingħataw l-ewwel għajnuna u bil-vittmi kollha jitwasslu malajr lejn l-eqreb sptar bil-ħelikopter.
Minuti wara, l-awtoritajiet ikkonfermaw li erba’ fost it-tfal kienu mietu ‘bid-daqqa mal-art’ u li t-tfajjel l-ieħor miet l-isptar sigħat wara l-inċident, li seħħ fl-aħħar jum tas-sena skolastika.
Il-ġenituri kienu infurmati mal-ewwel dwar it-traġedja, b’uħud jgħidu li l-iskola, qabel, kien introduċa l-bouncy castle u ‘floats’ simili għad-divertiment tat-tfal mingħajr l-ebda problemi.
Il-belt ta’ Davenport tinsab mal-kosta lejn it-tramuntana ta’ Tasmania u tinkorpora anki port attiv ħafna. Hemmhekk qed jgħixu ftit anqas minn 30,000 resident.
//= $special ?>