Edukazzjoni Lokali

Bernard Grech jappella lill-Għalliema, l-Edukaturi, il-Ġenituri u l-Istudenti biex jagħmlu kuraġġ

Nistgħu naħdmu għal żmien isbaħ, fejn intom l-Edukaturi titħallsu s-salarji li jixirqulkom u t-tfal tagħna jingħataw l-aħjar formazzjoni possibbli. Taqtgħux qalbkom.

Dan kien il-messaġġ li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għadda fuq Facebook, b’appoġġ lill-Għalliema, l-Edukaturi, il-Ġenituri u l-Istudenti, li bħalissa qed iħossuhom urtati u frustrati b’dak li qed iseħħ fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Bernard Grech kiteb li wara x-xogħol kollu tagħhom matul din is-sena, hu ferm diżappuntanti li tara lill-Ministru tal-Edukazzjoni u lill-Prim Ministru jġibu ruħhom b’mod daqstant skandaluż. Kompla li żgur li l-aktar li jweġġagħhom hu l-fatt li x-xogħolhom mhux qed jingħata l-ġieħ li jistħoqqlu u li wliedna mhux jingħataw eżempju tajjeb.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li minkejja li l-Gvern qed jitrattahom b’nuqqas ta’ rispett, anke b’diżrispett meta jingħata xogħol fantażma lill-ħbieb u huma jitħallsu biċ-ċiċri, għandhom ikomplu jwettqu dmirhom u l-vokazzjoni tagħhom.