Lokali Saħħa

Chris Fearne stess ivvota favur li Steward jingħataw aktar flus – PN

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne irid jifhem li l-logħba biex joqgħod jinħeba u jitfa’ t-tort fuq ħaddieħor spiċċat. Kien hu stess li aktar kmieni din il-ġimgħa vvota favur li Steward jingħataw aktar flus.

Fi stqarrija, iffirmata mid-Deputat Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista qal li wara l-ammissjonijiet fil-Qorti li għamlu ta’ Steward Healthcare u l-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali, li ddikjara li l-kuntratt sar bi ksur tar-regoli u mingħajr ma jassigura valur għall-flus iċ-ċittadin, il-Gvern ma jistax jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn.

Wara li ħareġ biċ-ċar fir-rapport tal-Awditur Ġenerali li l-kuntratt tal-Vitals ma jagħtix valur ghall-flus, f’dan il-Budget, il-Gvern għażel li jħallas deal korrott minflok jinvesti fil-poplu Malti €69 miljun fis-sena fuq kuntratt li l-Awditur Ġenerali stess qed jgħid li sar bi ksur tal-Liġi.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif Chris Fearne u sħabu fil-Grupp Parlamentari Laburista kellhom kull opportunitá jivvotaw biex dawn il-flus ma jingħaddewx għal dan id-deal li falla, iżda naqsu milli jagħmlu dan.

Chris Fearne u sħabu għażlu li jkomplu jitfgħu l-flus fuq kuntratt illegali u allura, il-membri kollha tal-Gvern qed jirrendu ruħhom kompliċi fis-serq u l-illegalità bi spejjeż għall-poplu Malti u Għawdxi, temmet tgħid l-istqarrija.