Il-Gvern fi Franza qed jissikka r-restrizzjonijiet għal kulmin jivvjaġġa lejn il-pajjiż mir-Renju Unit – bl-awtoritajiet Franċiżi qed jagħmlu minn kollox biex inaqqsu l-firxa tal-varjant Afrikan – Omicron – tal-Covid – 19. L-ammont ta’ każi konfermati tal-Omicron fir-Renju Unit huma ferm ogħla minn ta’ Franza, bl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, isostni li ‘ir-Renju Unit għandu jiffaċċja ‘valanga ta’ każi oħrajn ( tal-varjant Afrikan)’ fil-jiem li ġejjin.
Dan l-Uffiċċju qal ukoll li, mis-Sibt, kulmin mhux residenti f’pajjiżu għandu jipprovdi raġunijiet ‘validissimi’ biex jivvjaġġa lejn Franza mir-Renju Unit. Kulmin jasal fi Franza ( mir-Renju Unit) ikollu jipprovdi riżultat negattiv minn test għall-Covid f’anqas minn 24 siegħa – minbarra li jkollu jgħix f’iżolament għal mill-anqas jumejn.
Ir-Renju Unit, nhar l-Erbgħa, irreġistra qrib id-79,000 każ ġdid tal-Covid li hi l-ogħla ċifra għal ġurnata waħda mill-bidu tal-pandemija, fl-aħħar jiem tal-2019.
Madwar 10,000 minn dawn il-każi huma kkonfermati bħala riżultat tal-Omicron iżda hemm possibbiltà kbira li l-każi speċifiċi fir-Renju Unit huma d-doppju ta’ dan. Intant, is-sorsi infurmati f’Pariġi qalu li mhemmx sens kbir ta’ paniku dwar l-Omicron fi Franza, iżda hemm ħafna nies li qed jinkwetaw dwar l-iżviluppi matul il-ġranet li ġejjin.
//= $special ?>