Basketball Sport

Finali bejn Hibernians u Mellieħa Libertas

Colin Schembri

Starlites Naxxar 82

Hibernians 95

(13-26)(23-16)(24-17)(22-36)

Fl-ewwel semi-finali mill-Bank of Valletta Knock out, Hibernians għelbu lil Starlites 95-82 biex qatgħu passaġġ għall-finali tal-31ta’ Marzu. Partita li rat lil Hibs jaħsdu lill-avversarji b’bidu mill-aqwa u minkejja li Starlites irkupraw u saħansitra marru minn fuq, bidu ieħor tajjeb mill-Pawlisti fl-aħħar sessjoni assigurhom mir-rebħa. Wara l-ewwel punti tal-partita minn Keith Dimech għal Hibs u Jacob Bates għal Starlites, Hibs għamlu run 13-2 b’diversi punti fosthom trippla ta’ Mason Vires u trippla oħra minn Dimech għal skor ta’ 15-6. Starlites ukoll kellhom trippla minn Bates flimkien mal-punti ta’ Myles Thomas u Kurt Xuereb u waslu sa’ 4 punti ‘l bogħod 13-17. Hawn Hibs kellhom disa’ punti oħra mingħajr risposta fosthom trippla ta’ David Bugeja biex temmew l-ewwel taqsima 26-13 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlites bdew inaqqsu d-distakk u wara żewġ trippli minn Thomas u Alec Felice Pace waslu sa’ 8 punti minn taħt. Vires irrisponda għal Hibs iżda l-punti ta’ Starlites komplew ġejjin speċjalment mill-Amerikan Bates flimkien ma’ Matthew Scerri. Qabel intemmet it-taqsima, Hibs kellhom trippla minn Matthew Attard għal skor ta’ 42-36.

Fit-tielet sessjoni Hibs fetħu bi trippla ta’ Dimech però r-rimonta ta’ Starlites kompliet hekk kif huma rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 47-47 wara trippla ta’ Bates. Huma komplew bi break qasir ta 6-0 li rahom imorru fuq quddiem u sa’ tmiem il-perjodu ż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin biex Starlites temmewh fuq quddiem 60-59. Fl-aħħar taqsima kien hemm bidu tajjeb minn Hibernians b’run ta’ 14-2 li bdewha bi trippla ta’ Dimech flimkien mal-punti ta’ Vires, Bugeja u Christian Soderholm. Starlites irrispondew bi trippla ta’ Jamiah Haynes u komplew b’run ta’ 9-2 u reġgħu naqqsu d-distakk għall-erba’ punti 73-77. Hawn Hibs kellhom sensiela ta’ punti minn Bugeja li żammewhom fuq quddiem minkejja t-tentattiv ta’ Starlites li jwaqqfu l-arloġġ permezz tal-fouls. Hibs ftit li xejn żbaljaw free-throws fl-aħħar ħinijiet biex irnexxielhom jieħdu r-rebħa li poġġiethom fil-finali fuq skor ta’ 82-95.

Starlites: A. Felice Pace 10, I. Azzopardi, A. Azzopardi, I. Felice Pace 9, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 8, J. Bates 27, L. Farrugia, K. Xuereb 3, J. Haynes 14, M. Thomas 11.

Hibs: M. Vires 32, N. Cassar, M. Vucinic, D. Bugeja 13, L. Farrugia 2, K. Dimech 21, A. Axiaq, R. Aquilina, M. Attard 3, C. Soderholm 18, I. Demcesen 6.

Referees: Ivica Simic, Kamil Dworniczak, Iounut Ciurariu

Mellieħa Libertas Spalding 106

Depiro 59

(16-16)(20-22)(38-12)(32-9)

Fit-tieni semi-finali, Mellieħa Libertas Spalding għelbu lil Depiro 106-59 biex ukoll waslu fil-finali għal kontra Hibs. Sal-intervall, Depiro kienu basket minn fuq però sfaxxaw għal kollox fit-tielet taqsima meta Mellieħa ħasduhom bi break ta 25-5 b’sensiela ta trippli u fir-raba’ sessjoni rmew il-ħabel kompletament meta sofrew 22 punt mingħajr risposta. Għal Mellieħa kellhom wirja mill-aqwa Austin Wrighten u Vukassin Jandric flimkien mal-kontribut ta’ players lokali bħal Nik Vasovic, CJ Cordina u Isaac Bonett. Għal Depiro kienet wirja negattiva li jridu jinsew malajr biex jikkonċentraw fuq l-unuri li fadal u jissieltu għal post fil-playoffs fil-kampjonat. Depiro kellhom l-aħjar bidu meta marru 8-0 minn fuq b’żewġ trippli minn Miguel Mallia. Ir-risposta ta’ Mellieħa bdiet ġejja minn Nik Vasovic li għamel l-ewwel sitt punti tagħhom. Huma komplew b’run ta’ 10-0 bi trippli minn Vasovic u Nenad Bukva però basket ta’ Michael Debattista ppareġja l-partita fuq skor ta’ 16-16. Mellieħa marru minn fuq fit-tieni perjodu wara trippla oħra ta’ Bukva u l-ewwel punti ta’ Wrighten. Depiro wieġbu permezz ta’ Alex Oriakhi u Nicholas Grech biex reġgħu ħadu l-vantaġġ. Jeremy Joyner u Vasovic wieġbu għal Mellieħa qabel ma Depiro kellhom żewġ trippli minn Grech u Miguel Brincat. Mellieħa wkoll kellhom żewġ three pointers minn Wrighten u CJ Cordina però Depiro daħlu jistrieħu basket minn fuq 38-36.

Wara l-intervall, Mellieħa bdew l-aħjar meta għamlu run ta’ 11-2 kollha bil-punti ta’ Wrighten biex marru sebgħa minn fuq 47-40. Depiro kellhom risposta minn TJ Awtood u trippla ta’ Mallia però Mellieħa laqtuhom bi tlett trippli minn Isaac Bonett, Cordina u Jandric u marru 11 minn fuq 58-47. Depiro kellhom trippla ta’ Grech però dawn kienu l-aħħar punti li għamlu f’din it-taqsima għaliex minn hemm ‘l quddiem Mellieħa ddominaw il-partita. Huma għamlu run ta’ 16-0 bi trippli ta’ Jandric u Bonett u l-punti ta’ Wrighten għal skor ta’ 74-50. Fl-aħħar sessjoni Mellieħa komplew iżidu d-distakk b’aktar three pointers minn Cordina u Jandric. Depiro għamlu l-aħħar punti tagħhom minn Grech u Atwood. Mellieħa ddominaw kompletament meta għamlu 22 punt mingħajr risposta u dunk ta’ Wrighten għaqqditilhom il-100 punt hekk kif huma ħarġu rebbieħa 106-59.

Mellieħa Libertas: M. Falzon, V. Jandric 22, N. Vasovic 15, I. Bonett 8, C. Briffa, N. Bukva 10, J. Joyner 2, M. Azzopardi, CJ Cordina 15, N. Sultana, A. Wrighten 345.

Depiro: S. Galea, B. Nel, A. Attard, N. Grech 14, S. Vella, TJ Atwood 13, M. Brincat 5, M. Mallia 11, A. Oriakhi 14, M. Debattista 2, L. Vella, T. Reese.

Referees: Daniela Torok, Vladimir Nikolic, Florentina Ciurariu.

Caffè Moak Luxol jagħtu l-ewwel telfa lil Hibernians

Starlites Naxxar 47

ARMS Depiro 65

(9-18)(15-14)(13-16)(10-17)

ARMS Depiro komplew isaħħu posthom fit-tieni post tal-klassifika wara li reġgħu għelbu lil Starlites Naxxar 65-47, inqas minn ġimgħa wara r-rebħa fis-semifinali tan-Knockout. Nota posittiva għal Starlites hija r-ritorn minn injury ta’ Steffi De Martino.  Din kienet it-tielet partita li marret favur Depiro fil-kampjonat hekk kif issa beda wkoll it-tielet round. Il-partita kellha bidu bilanċjat bil-punti ta’ Hannah Johnson għal Depiro u Maria Bonett għal Starlites. Depiro però għamlu run ta’ 14-3 li bdewha bi trippla ta’ Nicole Agius u kompliet Danika Galea b’diversi punti minn taħt il-board bil-punti ta’ Starlites jiġu biss minn trippla ta’ Andie Saliba għal skor ta’ 18-9. Depiro komplew ikabbru l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni sessjoni fosthom bi trippla ta’ Monique Caruana u l-baskets ta’ Johnson. Starlites wieġbu bil-baskets ta’ Bonett flimkien ma’ Mariah Fenech u komplew b’sitt punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Saliba biex waslu sa’ 5 punti ‘l bogħod qabel ma Johnson għalqet it-taqsima bi trippla għal skor ta’ 32-24.

Wara l-intervall, Starlites bdew bil-punti ta’ Christina Curmi b’Leanne Duncan twieġeb bi trippla għal Depiro. Wara risposta minn Bonett, Depiro kellhom run oħra ta’ 10-3 biex reġgħu marru 13 -il punt minn fuq 45-33. Starlites kellhom trippla ta’ De Martino u aktar baskets minn Curmi u Saliba biex ppruvaw jibqgħu viċin iżda Depiro għamlu l-aħħar punti tas-sessjoni għal skor ta’ 48-37. Fl-aħħar taqsima, Depiro kellhom run oħra ta’ 10-2 b’aktar punti minn Johnson flimkien ma’ Claire Ciantar u Julia Xerri. Sa’ tmiem il-parita kien hemm aktar baskets fuq kull naħa bid-Depiro jagħlqu l-partita bi trippla ta’ Agius għal skor finali ta’ 65-47

Starlites: A. Saliba 8, M. Riolo, D. Camilleri, S. Farrugia, M. Bonett 16, S. De Martino 5, K. Portelli, M. Fenech 5, C. Vella, S. Wilke 5, S. Davies 1, C. Curmi 7.

ARMS Depiro: H. Johnson 30, M. Caruana 4, Ni. Agius 6, J. Xerri 4, J. Mallia, L. Duncan 7, No. Agius, C. Ciantar 4, N. Hili, N. Ebejer, N. Borg, D. Galea 10.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Peter Shoults, Ivica Simic

Hibernians 56

Caffè Moak Luxol 68

(15-19)(9-16)(18-9)(14-14)

Fis-semifinali tan-Knockout ftit ġranet qabel, Caffè Moak Luxol kienu viċin li jeleminaw lil Hibernians iżda dak li ma rnexxielhomx jagħmlu dak in-nhar għamluh fil-kampjonat hekk kif taw l-ewwel telfa lil Hibs dan l-istaġun b’rebħa drammatika 58-56. Hibs kienu mingħajr Ashleigh Van Vliet għal din il-partita u għalkemm postha mliethu Kirsty Caruana, xorta ma rnexxielhomx jevitaw l-ewwel telfa. Luxol, mingħajr Mandi Mercieca u mingħajr l-Amerikana Jennifer Oramas mil-ftuħ tat-tieni sessjoni ‘l quddiem, għarfu jisfruttaw l-aħħar okkażjoni b’1.4 sekondi fuq l-arloġġ. Oramas għamlet l-ewwel basket tal-partita bir-risposta tal-Hibs tiġi minn trippla ta’ Jasmine Abela flimkien mal-ewwel punti ta’ Caruana. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin qabel ma Luxol għamlu run ta’ 8-2 bil-punti ta’ Josephine Diaby u Oramas. Caruana rrispondiet għal Hibs però kienu Luxol li temmew il-partita fuq quddiem 19-15. Wara minuta logħob fit-tieni sessjoni, Luxol tilfu lil Oramas b’injury però xorta rnexxielhom jagħmlu run ta’ 10-2 bil-punti ta’ Sarah Pace u Paula Ellul biex marru 11 minn fuq 31-20. Sal-intervall kien hemm erba’ punti fuq kull naħa biex id-distakk baqa’ ma nbidilx għal skor ta’ 35-24.

Fit-tielet taqsima Hibs bdew bil-punti ta’ Caruana u l-Amerikana Kenyotta Jenkins u naqqsu d-distakk għal 5 punti. Luxol dehru xi ftit maħsuda u Hibs approfittaw bi tlett trippli minn Abela, Caruana u Sam Brincat biex marru minn fuq però qabel intemmet is-sessjoni kien hemm trippla ta’ Josephine Diaby biex Luxol temmew il-perjodu fuq quddiem 44-42. Fl-aħħar sessjoni kien hemm żewġ trippli oħra minn Caruana u Abela għal Hibs flimkien ma’ punti ta’ Jenkins li tawhom vantaġġ ta’ 5 punti 54-49. Luxol ma ċedewx u ġew lura bil-punti konsekuttivi ta’ Diaby. Fl-aħħar minuta, il-free throws kienu deċisivi. Bdiet Brincat li għamlet 2 minn 2 biex poġġiet lil Hibs minn fuq 56-55. In-naħa l-oħra falliethom it-tnejn però l-istess għamlet Bonett biex fl-aħħar sekondi Luxol kellhom il-pussess. Sar foul ieħor din id-darba fuq Sarah Pace li għamlet l-ewwel freethrow. It-tieni wieħed ma daħalx però pronta kienet il-veterana Susanna Bonfiglio li ħadet l-offensive rebound bil-ballun tagħha jidħol eżatt mal-horn finali biex Luxol ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 58-56.

Hibernians: M. Buhagiar, Y. Bonett 7, S. Brincat 5, J. Abela 9, K. Jenkins 14, N. Farrugia, K. Caruana 19, J. Dabic, J. Borg Cardona 2.

Caffè Moak Luxol: L. Fenech Pace, S. Pace 9, N. Vella 4, H. Galea, S. Vella 2, A. Borg, P. Ellul 9, J. Diaby 20, S. Bonfiglio 2,  A. Fenech Pace 2, J. Oramas 10.

Referees: Ionut Ciurariu, Zvezdan Dobrosaviljevic, Gordon Barbara