Lokali Qorti

Kundannat seba’ snin ħabs fuq kilo raża tal-kannabis

Raġel ta’ 32 sena ġie kundannat seba’ snin ħabs mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera b’rabta mas-sejba ta’ kilo raża tal-cannabis li nstabet f’karozza tal-kiri.  Timothy Joseph Agius instab ħati f’ġuri li beda nhar il-Ħamis 9 ta’ Diċembru u li dam sejjer biss tliet ijiem.

Il-ġurati ħarġu b’verdett ta’ 8-1 ta’ ħtija filwaqt li  b’verdett ta’ 7-2 huwa ma nstabx ħati fuq pusses ta’ 10 grammi kokaina li kien qed jiġi allegat li nstabet fir-residenza tiegħu. L-Avukat Roberto Montalto li deher għal Agius se jressaq appell fl-intier tiegħu li jinkludi wkoll l-verdett tal-ġurija.

Il-Qorti meta ġiet biex tagħti l-piena kkwotat diversi sentenzi simili mogħtija f’każijiet oħra simili. Ironikament is-sentenza ngħatat jumejn biss wara li għaddiet fil-parlament il-liġi li tippermetti l-użu tal-cannabis għal skop rikreazzjonali.

F’dan il-ġuri l-ammont ta’ xhieda kienu minimi u kien għalhekk li l-ġuri ħa biss tliet ijiem biex jintemm. Il-Pulizija kienet arrestat lil Agius ġurnata qabel li kien tressaq fit-2 ta’ Ottubru 2015 quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Agius kien ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu raża tal-cannabis, flimkien ma’ ammont mhux speċifikat ta’ kokaina, f’ċirkostanzi li jindikaw li l-ebda waħda minn din id-droga ma kienet maħsuba għall-użu personali tiegħu.

Il-prosekuzzjoni qalet li d-droga kienet instabet fil-lejl ta’ qabel ma kien tressaq fil-‘glove compartment’ ta’ karozza fi Triq Ħal Qormi, il-Ħamrun, minn membri tal-Iskwadra tad-Droga.  Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Anthony Vella u Godwin Cini mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li minn naħa tal-Pulizija din tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech li flimkien mal-Ispettur Nikolai Sant kienu stħarrġet il-każ.