Il-Pulizija mibgħuta biex twaqqaf u tarresta lil Aidan Bartolo ta’ 24 sena minn Ħal-Għaxaq fil-Mellieħa sparat lejn il-karozza tiegħu mal-50 tir. Dan għamluh għax skont huma kien qed isuq lejn id-direzzjoni tagħhom. Kienu sitta l-Pulizija li sparaw fuq Bartolo li qed jiġi mixli bl-attentat ta’ qtil tad-diversi uffiċjali li ntbagħtu biex jinterċettawh, għax kellhom suspett li kien fil-pusses ta’ droga u arma tan-nar.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella l-akkużat daħal fl-awla tal-Qorti akkumpanjat mill-Pulizija bil-krozzi u preżenti fl-awla kien hemm ommu. Bartolo li fl-aħħar tas-seduta ngħata l-libertà proviżorja qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Mix-xhieda tal-istess Pulizija ħareġ li wieħed minnhom spara xejn anqas minn 17-il tir, u ieħor spara 13-il tir. Dan għax beżgħu minnu fejn qalu li saq għal fuqhom fejn anke ħabat ma’ vann tal-Pulizija u żewġ karozzi privati. Dan kollu seħħ f’perjodu ta’ 15-il sekonda. Ħareġ li l-akkużat intlaqat minn balla fil-pala ta’ saqajh.
Il-Pulizija li xehedu kienu kollha mit-Taqsima ta’ li Special Intervention Unit fejn wara talba mill-prosekuzzjoni bid-difiża ma topponiex sabiex l-ismijiet tagħhom ma jissemmewx fil-qorti minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom.
L-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri qed jiddefendi lil Bartolo wettaq kontro-eżami pertinenti fil-konfront tal-prosekuzzjoni dwar għaliex kien hemm il-ħtieġa biex jiġu sparati dawk it-tiri kollha fuq karozza tat-tip Mazda Demio, bil-Pulizija lkoll jgħidu li dan kien se jsuq għal fuqhom.
“Lanqas li kien tank tal-Gwerra, ma kienu jiġu sparati daqstant tiri, u kollox jindika li dak li għamel l-akkużat kien għax beża’ u ried jaħrab u mhux li jweġġa’ lill-Pulizija, fatt ukoll li ammettih fl-itqarrija li huwa ta fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija,” qal l-Avukat Debono.
Meta l-Avukat Debono staqsa lix-xhieda jekk l-intenzjoni kienx li Bartolo jaħrab għax beża’ l-Pulizija qalu li huma ma jafuxn iwieġbu mistoqsija bħal din, għax ma jafux x’kienet l-intenzjoni tiegħu.

L-inċident li ġie imfisser fil-Qorti bħala wieħed li jixbaħ xi film ta’ James Bond seħħ fit-2 ta’ Diċembru li għadda. Minkejja d-diversi tiri sparati lejh l-akkużat irnexxielu jaħrab u jgħaddi minn toroq ‘wrong way’ fejn baqa’ sejjer sal-Miżieb bil-Pulizija isibuh sitt sigħat wara għall-ħabta ta’ nofs il-lejl midrub.
Il-Pulizija li xehedu u li kollha sparaw lejn il-karozza ta’ Bartolo qalu li huma kollha sparaw lejn it-tyres tal-karozza wara li dan ma riedx jieqaf, minkejja l-ordni li tawh biex jieqaf fejn huma kien qed isuq minn naħa “Ta Penellu” tiela lejn il-pompa tal-petrol, eżattament fil-bypass tal-Mellieħa.
Il-Pulizija qalu li huma kellhom informazzjoni li l-akkużat kien se jgħaddi mill-inħawi msemmija wara l-5.30pm u fil-fatt kien għall-ħabta tas-5.45pm li huma lemħu lilu u xi karozzi oħra għaddejjin, li bdew iwaqqfu.
Żewġ karozzi li twaqqfu mill-Pulizija obdew mill-ewwel imma l-akkużat li kien bil-Mazda Demio minkejja l-ordnijiet biex jieqaf baqa’ sejjer. Pulizija minnhom qal li x’ħin hu ħarep mill-vann tax-xogħol, il-Mazda minflok waqfet saqet għal ġo fih.
. “Konna wiċċna mgħotti iżda kellna fuq sidirna l-kelma Pulizija miktuba. L-istraġi fi ftit sekondi wassal biex l-akkużat ikisser żewġ karozzi privati u jaħbat mal-vann, b’wieħed mill-kollegi tagħna spiċċa biex qabeż minn tulu meta ra l-Mazda qed tinstaq fid-direzzjoni tiegħu,” qal wieħed mix-xhieda.
Kompla jgħid li l-karozza tal-akkużat kien ġejja mid-direzzjoni tal-Għadira u hawn barra li huwa spara, sema’ diversi sparaturi oħra li kienu tal-kollegi tiegħu.
Ingħad li wara li Bartolo dar u beda jgħaqqad ir-roti spiċċa biex dahar mar-roundabout wrong way u kien dieħel f’ wieħed mill-Pulizija. Tenna l huwa spara fil-baxx u wara l-akkużat dawwar u baqa’ sejjer fejn qabad isuq lejn Selmun bol-kontra għax-Xemxija u dawwar għal Miżieb.
Ix-xhieda Pulizija qalu li damu jfittu lill-akkużat għal sitt sigħat sħaħ u li f’dawk il-15-il sekonda ta’ ġenn huwa beda jagħfas il-gass u f’mument minnhom anke rriversja lejn wieħed mill-Pulizija.
Mistoqsi mill-Avukat Franco Debono dwar jekk hu laqatx xi Pulzija minnhom bil-karozza tiegħu, x-xhieda kollha wieġbu fin-negattiv. Debono staqsa wkoll lix-xhieda kollha jekk jekk hemmx xi regolamenti dwar kif għandhom jintużaw l-armi u jekk teżistiex xi strateġija għal xi ħaġa bħal din, l-Pulizija qalu li jafu li jeżistu regolamenti li għandhom jiddeffendu lilhom infushom meta tinħass il-ħtieġa, imma dwar xi tgħid ċirkulari tal-Pulizija dwar dan, huma naqsu li jikkwotawha b’mod sħiħ.
Fuq aktar mistoqsijiet tal-Avukat Debono dwar kif kienu sparati t-tiri li ħallew ukoll lill-akkużat ferut, dawn kollha qalu li huma sparaw fil-baxx, b’wieħed minnhom fuq insistenza tad-difiża jgħid li qatt ma seta’ jintlaqat f’rasu.
Ix-xhieda qalu li Bartolo kien għaddej sew u li wara li ħarbilhom meta bdiet it-tfittxija għalih kien hemm ukoll l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta. Pulizija minnhom qal li l-informazzjoni li kellhom mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga kienet fuq il-karozza u anke kellhom informazzjoni fuq il-persuna nniffsu. Il-Pulizija li spara 17-il tir qal li huwa ħela t-tiri li kellu fuq id-Demio tal-akkużat.
Pulizija li għamel it-tfittxija għal Bartolo qal meta instab tard bil-lejl fil-Miżieb, l-akkużat kellu injury f’saqajh u li ma rreżistuex lill-Pulizja. Tenna wkoll li kien Bartolo stess li nforma lit-tfajla tiegħu fejn kien u qalilha biex tmur l-Għassa taż-Żejtun sabiex tgħid lill-Pulizija fejn kien jinsab.
Wara saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, liema talba sabet oppożizzjoni qawwija minn naħa tal-prosekuzzjoni bl-Avukat Debono jistaqsi għaliex xehedu Pulizija biss u mhux pajżana. Minn naħa tagħha l-prosekuzzjoni qalet li hemm il-biża li jiġu kontaminati l-provi fejn għad baqa’ xhieda pajżana fosthom dawk li l-karozza tagħhom intlaqtet mill-akkużat.
Ingħad li l-Pulizija għad trid tintraċċa wieħed minnhom. Hawn l-Avukat Marion Camilleri qalet li lanqas biss jaf min hi l-persuna l-Pulzija, aħsew u ara kemm jafhom l-akkużat.
L-Avukat Debono qal li l-klijent tiegħu qal fl-istqarttija li ma ried iweġġa’ lil ħadd u li ġara kien li ppannikkja u pprova jaħrab minn fuq il-post. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-pleġġ tal-akkużat fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €40,000 u li jifirma fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun tliet darbiet fil-ġimgħa. Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Diċembru fil-11.00am.
//= $special ?>