Lokali

Prim Ministru bi skiet li jtarrax – FPPN

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) hu mħasseb bis-skiet itarrax tal-Prim Ministru Robert Abela fil-konfront ta’ fatti mill-aktar gravi li issa huma pubbliċi fil-konfront tal-Ministru Justyne Caruana. Dawn il-fatti jinsabu fid-dominju pubbliku mhux bħala frott ta’ għajdut, iżda frott il-ħidma serja u integra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler.

Fi stqarrija, l-FPPN qal li, fl-isfond ta’ sitwazzjoni fejn ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tinstab imkissra bil-fama li pajjiżna sar ‘safe haven’ għall-koruzzjoni u mġieba legalment u politikament skoretta, il-fatt li l-Prim Ministru jżomm sieket għal kollox dwar każ hekk gravi hu tat-tħassib u juri li dan il-Gvern għadu ma fehemx lanqas l-aktar kunċetti bażiċi ta’ sistema fejn il-ġustizzja sseħħ u fejn m’hemmx impunità.

Tat-tħassib ukoll hu l-fatt li pajjiżna bħalissa għandu Gvern li, fejn tidħol l-Edukazzjoni, minflok jiffoka fuq kif se jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għalliema, kif ser jinvesti aktar fl-istudenti u fuq kif ser jissaħħaħ is-settur, bħal donnu aktar mheddi joffri tarka lil Ministru li bl-aktar mod ċar mhix denja li tkun Ministru.

L-FPPN qal li jemmen li jekk Justyne Caruana għandha nofs nitfa diċenza, għandha minnufih toffri r-riżenja tagħha. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Prim Ministru Robert Abela għandu jneħħiha minnufih minn Ministru.