Coronavirus Festi Knisja Lokali Saħħa Turiżmu

Tal-MTA riduhom joħorġu l-Bambin bil-barrikati

Kellu jkun l-intervent tal-Kurja biex joħorġu permessi għall-purċissjonijiet bi protokolli raġjonevoli

Kellu jkun l-intervent tal-Kurja Arċiveskovili biex setghu jingħataw permessi ħalli jsiru l-purċissjonijiet b’Ġesù Bambin bi protokolli raġjonevoli. Dan wara li diversi arċiprieti intalbu biex l-purċissjoni ssir b’mod segregat bil-barikati meta applikaw għall-permess.

Kien l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, f’Ħal Tarxien, Dun Chris Ellul, li permezz ta’ post fuq Facebook esprima r-rabja u d-dispjaċir tiegħu għall-email li rċieva 5 ijiem tard mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu biex il-purċissjoni tkun seggregata bl-użu tal-barikati meta talabhom permess biex Lejlet il-Milied ssir il-purċissjoni b’ Ġesù Bambin – xi ħaġa tradizzjonali f’dawn iż-żminijiet.

Fil-post fuq Facebook, l-Arċipriet stqarr dan il-kliem: “soċjetà bla sinsla…bil-barriers issa?? Fejn tridu bil-barriers, postijiet oħra juru mod ieħor, imiskom tistħu….ejjew ċaċpu u ippużaw għar-ritratti issa ta…Poplu iftaħ għajnejk u semma’ leħnek”.

Din l-aħbar ġabet reazzjoni negattiva fuq il-mezzi soċjali b’bosta juru l-għadab tagħhom għal dawn il-miżuri sproporzjonati meta mqabbel mal-permessi mogħtija għall-affarijiet kummerċjali. Iżda skont il-Ministru tas-Saħħa, dan kollu kien paroli żejjed:

Ħa ngħid kelma żgħira fuq il-purċissjonijiet tal-Milied għax kellna ħafna paroli, kellna ħafna diskursati fuq il-media soċjali.”

Eventwalment, il-Kurja kellha tidħol f’diskussjonijiet mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika biex din il-miżura sproporzjonata titneħħa:

“Fil-ġranet li għaddew saru diskussjonijiet bejn id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u l-Kurja. Allura iva, il-Purċissjoni tal-Bambin, jistgħu jsir imma ovvjament wieħed irid iżomm mal-protokolli biex jibqa’ jieħu ħsieb is-saħħa tiegħu, ta’ madwaru u tal-komunità. Sakemm in-numri jkunu limitati skont kif deskritt fil-protokolli, il-persuni li jkunu qegħdin fil-purċissjoni jkunu mlaqqmin u jilbsu l-maskri, allura dawn il-purċissjonijiet jistgħu jsiru bil-buon ordni. Din l-istorja tal-barikanti u mhux barikati, naħseb din kienet xi ħaġa żejda, iġifieri le, m’hemmx għalfejn ikun hemm barikati għalihom dawn.”

Jidher li din is-sitwazzjoni esperjenzawha wkoll l-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, il-Kan. Mario Mangion, u l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla, il-Kan. Robin Camilleri… li intalbu jaraw li jkollhom il-barikati fit-toroq minn fejn se tgħaddi l-purċissjoni.

Wara dawn l-iżviluppi, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino kkummenta fuq il-media socjali u saqsa x’inhi l-vera raguni wara dawn ir-restrizzjonijiet li kienu se jsiru.

Huwa qal li dan kollu qed iqajjem dubji fost il-poplu dwar ix-xjenza li skont il-Gvern qed tiddetermina d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu. U l-Gvern għandu obbligu li jippublika u jispjega bl-iktar mod ċar x’inhi x-xjenza u r-raġunijiet wara dan kollu.

B’hekk biss jista’ jżomm il-fiduċja tan-nies f’dan il-mument delikat.