Kultura Lokali

X’inhi r-raġuni vera li l-purċissjoni bil-Bambin mhix se ssir?

Wara sentejn, ħafna kienu qed iħarsu ‘l quddiem biex jiċċelebraw Milied normali bit-tradizzjonijiet kollha li jġib miegħu.

Hekk stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino f’kummenti li ħalla llum fuq il-media soċjali wara l-aħbarijiet xejn sbieħ dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-purċissjonijiet.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN stqasa: X’inhi r-raġuni vera li l-purċissjoni bil-Bambin mhix se ssir? Għalfejn attivitajiet ħafna ikbar qed jitħallew isiru iżda dawn l-attivitajiet tradizzjonali assoċjati ma’ dan iż-żmien sabiħ tas-sena qed jinżammu milli jsiru?

Dawn huma l-mistoqsijiet li qed iqajmu dubju fost il-poplu dwar ix-xjenza li skont il-Gvern qed tiddetermina d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu. Il-gvern għandu obbligu li jippublika u jispjega bl-iktar mod ċar x’inhi x-xjenza u r-raġunijiet wara dan kollu.

B’hekk biss jista’ jżomm il-fiduċja tan-nies f’dan il-mument delikat.