Il-Ministru Ewlieni ta’ Wales, Mark Drakeford, esprima bla tlaqliq l-inkwiet tiegħu dwar l-aħħar żviluppi ta’ din il-pandemija filwaqt li wissa li r-residenti ta’ Wales ‘għandhom iħejju għal splużjoni ta’ infezzjonijiet’ mill-varjant ġdid Omicron tal-Covid-19….Varjant li feġġ f’Novembru fl-Afrika t’Isfel u li qed javvanza b’rata mgħaġġla tul ir-Renju Unit u l-Ewropa.
Drakeford qabbel is-sitwazzjoni ‘ma’ maltempata ġdida fuq ix-xefaq’ u issa sar magħruf li n-nightclubs f’Wales se jagħlqu wara s-26 ta’ Diċembru ( Boxing Day). Din il-miżura ttieħdet minħabba ż-żieda sostanzjali fil-każi tal-Omicron fil-pajjiż.
Fl-istess ħin, ir-regoli tas-social distancing se jkunu mħarsin bir-reqqa ( mill-ġdid) fil-ħwienet u fuq il-postijiet tax-xogħol – b’Mark Drakeford itenni li, mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla għandhom jittieħdu aktar deċiżjonijiet rigward ir-restrizzjonijiet tal-Covid.
Jidher, intant, li qasam speċifiku li għandu jkun indirizzat hu l-kamp sportiv f’Wales fejn kien hemm programmati diversi attivitajiet matul il-jiem li ġejjin.
L-awtoritajiet f’Wales lanqas mhuma jeskludu ‘ritorn’ għal restrizzjonijiet oħrajn – fosthom l-introduzzjoni ta’ ‘bubbles għan-nies’ estiżi fid-djar ( bil-limiti għall-ammont ta’ persuni) u r-regoli biex ma jiltaqgħux aktar minn sitta, bħala grupp, fil-pubs.
Meta tkellem fuq il-programm Today, tal-BBC, Mark Drakeford qal li ‘Wales bħalissa qed jara l-kalma qabel il-maltemp’ u wissa li r-residenti jridu jippreparaw għall-mewġa inevitabbli tal-varjant li se tkun fosthom dalwaqt.
Appell ieħor ta’ Drakeford kien biex in-nies ma jiltaqgħux fi gruppi kbar biex jiċċelebraw il-Milied u biex in-nies ma jitħalltux daqstant ma’ persuni li mhumiex tal-istess ċirku ta’ ħbieb u qraba.
//= $special ?>