Xahrejn ilu l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana kienet ħabbret li se tkun qegħda toħroġ l-Edu Fast Ferry Card. Sal-lum din il-card għadha ma waslitx għand l-istudenti. Numru ta’ studenti saqsewna meta se tkun qiegħda toħroġ din il-card.
Il-kunsill tal-GUG iċċara li fl-ebda mument jew perjodu ma ġie ikkonsultat dwar din il-card u dwar meta se tkun qegħda toħroġ. Studenti li bagħtu jistaqsu lill-awtoritajiet responsabbli, qalulhom li l-card qegħda ‘on hold’.
Il-GUG bagħat ukoll jistaqsi lill-awtoritajiet dwar dan iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija din l-email baqgħet ma tweġbitx. Bgħatna wkoll waħda mill-kumpaniji tal-Fast Ferry li qalulna li din l-iskema qiegħda ‘on hold’ u qalulna biex inkellmu lill-Ministeru għall-Edukazzjoni għal aktar tagħrif.
Il-GUG jappella lill-awtoritajiet responsabbli biex din il-card toħroġ kemm jista’ jkun malajr. Il-card ċertament se tnaqqas l-ispejjeż tal-istudenti Għawdxin li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer għall-edukazzjoni tagħhom. Il-GUG jerġa’ jappella ukoll biex terġa tiġi introdotta ir-rotta X300. Din kienet rotta diretta bejn l-Imsida u ċ-Ċirkewwa. Ir-rotta kienet twaqqfet meta beda jaħdem is-servizz tal-Fast Ferry. F’ dawn l-aħħar xhur ta’ sikwit qegħdin naraw li l-Fast Ferry ma jaħdimx minħabba r-riħ. L-istudenti jiġu bla għażla iżda jużaw il-Gozo Channel biex jaqsmu lejn id-dar tagħhom jew lejn l-istituzzjoni Edukattiva tagħhom.
Studenti li ta’ sikwit jitkellmu magħna jgħidulna li huma anqas ma jużaw il-Fast Ferry għax ikun imqalleb u jagħmlilhom id-deni. L-istudenti Għawdxin jiġu bla għażla u jkollhom jużaw l-X1 li din ta’ sikwit tkun mimlija b’ ħafna nies u l-istudenti Għawdxin jispiċċaw jistennew fuq il-bus stop għall-bus ta’ wara. Minkejja dan kollu l-X1 tieqaf ħafna aktar waqfiet minn dak li kienet tieqaf l-X300. Il-GUG jerġa jappella lill-awtoritajiet responsabbli biex ma jinsewx l-isfidi tal-istudenti Għawdxin u jerġgħu jagħmlu r-rotta X300 bħalma kienet qabel
//= $special ?>