Somalu homeless ta’ 25 sena bi problema ta’ droga u alkoħol ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta, flok għadda ġuri li flimkien ma’ raġel ieħor ta’ 39 sena minn Niger wettaq hold-up bi vjolenza fuq żewġ persuni f’Paceville tliet xhur ilu.
Hassan Jamal Hassan ammetta quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti li fid-9 ta’ Settembru li għadda, għall-ħabta tal-4.00 a.m. fi Triq Paceville, seraq oġġetti minn fuq il-Filippin Ricardo Jr. Macalalay u s-Slovakk Jozef Drga. Huwa ammetta wkoll li kkaġuna ġrieħi ħfief lil Drga, li żammu kontra r-rieda tiegħu, li kellu fil-pussess tiegħu l-kannabis u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati f’Mejju li għadda.
Wieħed mill-vittmi kien ittieħed l-isptar biex jingħata l-kura għall-ġrieħi li ġarrab, filwaqt li r-raġel l-ieħor kien akkumpanja lill-pulizija fi tfittxija għall-aggressuri, li nqabdu kif suppost. Hassan kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ Chaharou Ibrahim ta’ 36 sena u ġew mixlijin li sawtu u serqu liż-żewġt irġiel. Il-Qorti semgħet kif filmati tas-CCTV l-irġiel deheru jagħtu daqqa ta’ ponn lil wieħed mill-vittmi.
L-irġiel kienu ġew akkużati b’serq aggravat minn vjolenza, valur u ħin. Hassan waħdu kien akkużat li weġġa’ ħafif lill-vittma, li żammu illegalment kontra r-rieda tiegħu, li kellu fil-pussess tiegħu kannabis u li kiser il-libertà proviżorja. Ibrahim kien akkużat li żamm illegalment lir-raġel l-ieħor, li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr permess tal-pulizija u li sar reċediv. Il-vittmi fis-serqa kienu qalu li ssawwtu.
Meta ġie biex jagħti s-sentenza l-Imħallef Grixti qies il-fedina penali tas-Somalu, li ilu jgħix Malta mill-2013 u li għandu kondotta nadifa, kif ukoll li wettaq is-serqa fuq żewġ persuna. Huwa talab ukoll lid-Direttur tal-Ħabs biex jgħin lil Hassan minħabba l-problemi ta’ xorb u droga.
Chaharou Ibrahim, minn Niger kien ammetta mill-ewwel l-akkużi quddiem il-Maġistrat Victor Axiak u kien ġie kundanant sentejn u 10 xhur ħabs għas-sehem tiegħu f’dan il-hold-up. L-Ispetturi Jonathan Cassar, Lydon Zammit u Stephen Gulia mexxew il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat Cynthia Tomasuolo kienet l-avukati difensur ta’ Hassan.
//= $special ?>