Internazzjonali

Filippini: Inkwiet u imwiet b’kaġun ta’ tifun ‘mostru’

epa09644479 A handout picture made available by the Philippine Coast Guard (PCG) shows PCG personnel evacuating residents living along a coastline in the Caraga region, southern Philippines, 16 December 2021. According to the state weather bureau's latest advisory on 16 December, the center of Typhoon Rai hit land in Siargao island which was packing maximum sustained winds of 185 kilometers per hour with gusts of up to 230 kilometers per hour. EPA-EFE/PCG / HANDOUT HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

In-Nazzjonijiet Uniti qed issegwi s-sitwazzjoni inkwetanti fil-Filippini fejn l-awtoritajiet qed jistennew aktar ġranet ta’ maltemp qalil – u wara li l-maltemp straordinarju minn ‘super-tifun’ kien qed jistraxxna l-inħawi lejn in-nofsinar tal-pajjiż.

Il-mejtin b’kaġun tal-maltemp qabżu, almenu, l-għaxra, b’eluf ta’ residenti qed ikollhom ifittxu l-kenn fost it-twissijiet regolari dwar għargħar u qerda ta’ proprjetà.

Il-mewġa tal-maltemp laqtet l-ewwel il-gżira ta’ Siargao, li hi  popolari ħafna mat-turisti u meta t-tifun beda jiġġenera rwiefen b’saħħa ta’ 175 kilometru fis-siegħa.

L-aħħar rapporti qalu li s-servizzi ta’ komunikazzjoni ma kenux qed jaħdmu għal Siargao u bnadi oħra tal-Filippini – bil-provvista tal-elettriku tinqata’ għal numru ta’ zoni.

In-Nazzjonijiet Uniti qed tgħid li mat-13-il miljun Filippin kapaċi jispiċċaw affettwati mill-impatt tat-tifun – u meta fl-aħħar jumejn, tħassru numru kbir ta’ titjiriet, bil-portijiet jispiċċaw magħluqin minħbba l-potenzjal ta’ aktar maltemp ‘terribbli’.

Is-super-tifun – imlaqqam Rai – hu fost l-aktar tifuni b’saħħithom li laqtu lill-Filippini din is-sena. Il-komunitajiet li mistennija jirrappurtaw l-agħar straġi jinsabu qrib il-kosta, fejn is-servizzi tal-Federazzjoni tas-Salib l-Aħmar qabblu l-avvanz tat-tifun ‘mal-avvanz ta’ ferrovija’.

Il-Filippini, kull sena, tgħaddi minn perjodu ta’ maltempati fenomenali li jinkludu ċ-ċikluni u tifuni qattiela.