“Gvern ġdid Nazzjonalista se jassigura li se jimxi bi prudenza u bi trasparenza fil-mod kif jintefqu l-fondi pubbliċi.”
Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzati mid-Deputati Mario deMarco u Karol Aquilina dwar in-nuqqas ta’ immaniġġjar tal-fondi pubbliċi min-naħa tal-Gvern.
Mario deMarco qal li jekk wieħed jifli r-rapport tal-Awditur Ġenerali li jevawla l-fondi pubbliċi, mal-ewwel jinduna li dan ir-rapport jindika li kien hemm numru ta’ nuqqasijiet fl-użu ta’ dawn il-fondi.
Fost in-nuqqasijiet elenkati kien hemm nuqqas ta’ kontrolli interni dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi, dgħjufijiet fil-pagamenti tal-overtime u l-allowances kif ukoll diversi fondi li l-Gvern baqa’ qatt ma ġabar.

Mario deMarco qali li hemm ukoll diversi każijiet oħra ta’ tberbiq eżaġerati tal-fondi pubbliċi fosthom dwar l-uffiċċju ġodda tal-Malta Business Registary u l-Malta Films Commission. Dan apparti id-diversi direct orders li jingħtaw fil-Ministeri bl-aħħar każ ikun dak li ngħata s-sieħeb tal-Ministru Justyne Caruana, Daniel Bogdanovic.
Huwa semma wkoll d-deal li sar ma’ Steward bil-Minsitru tas-Saħħa Chris Fearne jitfa’ t-tort kollu fuq Konrad Mizzi daqslikieku l-Kabinett ma’ kienx jaf x’kien għaddej. Huwa fakkar li r-riperkussjonijiet ta’ dan id-deal skandaluż qed jispiċċa jbatihom il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Karol Aquilina qal li l-fatti kif stabbiliti mill-Awditur Ġenerali juru li l-Gvern Laburista mhux qed juża l-fondi pubbliċi b’mod għaqli tant li ilu għal dawn l-aħħar kważi disa’ snin iberbaq il-fondi pubbliċi f’ħatriet mhux meħtieġa u nfiq mhux ġustifikat.

Huwa qal li fost oħrajn l-Awditur Ġenerali sab li fl-Aġenzija Ambjent Malta kien hemm nuqqasijiet serji dwar kif qed jintużaw il-fondi pubbliċi. Filwaqt li fil-WasteServ l-Awditur Ġenerali sab li ma kinux qed jiġu segwiti r-regoli dwar kif jingħataw il-kuntratti u li kien hemm saħansitra każijiet ta’ ksur ta’ liġi.
Numru ta’ nuqqasijiet oħra nstabu wkoll fil-Building and Construction Agency u fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.
Karol Aquilina saħaq li l-Oppożizzjoni tixtieq li l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi ikollu l-opportunità jiddiskuti fid-dettal rapport li sar dwar Vitals u Steward bl-involviment sħiħ tal-Awditur Ġenerali biex min abbuża mill-pożizzjoni tiegħu u mill-fondi pubbliċi jinżamm responsabbli u kontabbli tal-għemil tiegħu.