Il-Qorti Skoċċiża tat raġun lil Transport Malta u konsegwentament ordnat it-twaqqif tal-kawża kontra Transport Malta dwar l-inċident ta’ double decker li kien seħħ fiż-Żurrieq lura fl-2018.
Transport Malta qalet illi hija ddefendiet il-pożizzjoni tagħha f’kawża mibdja fl-Iskozja relatata mal-inċident.
L-inċident kien wieħed fatali hekk kif double decker mimlija turisti li kienet qed tinstaq fi Triq Valletta, fiż-Żurrieq, laqtet siġra bil-konsegwenza li żewġ persuni mietu fil-post. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-16:15 fid-9 ta’ April, meta x-xufier żagħżugħ ta’ 24 sena, kien qed isuq mid-direzzjoni taż-Żurrieq lejn Ħal Kirkop. Mal-impatt, biċċiet mill-parti ta’ quddiem tad-double decker tqaċċtu, bil-konsegwenza li ntlaqtu passiġġieri oħra li kienu bilqegħda fil-parti ta’ fuq tad-double decker.
B’kollox kienu ndarbu 50 persuna minn 14-il pajjiż differenti. 19 minn dawn ittieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid li ġew rilaxxati matul il-ġurnata filwaqt li l-31 persuna oħra ttieħdu l-isptar Mater Dei.
F’din il-kawża mibdija inizzjalment kontra d-ditta assikurattiva Mapfre (li kienet id-ditta li assigurat l-operat tal-operatur tal-open top bus in kwisjtoni) Transport Malta ġiet imsejħa sabiex twieġeb hi wkoll għad-danni relatati ma’ dan l-inċident.
Transport Malta dejjem insistiet illi l-Awtorità m’hi responsabbli għal ebda danni relatati ma’ dan l-inċident, u dan fil-fatt ġie kkonfermat mir-riżultati ta’ inkjesta maġisterjali dwar dan l-inċident. F’dan il-każ, Transport Malta ddefendiet ruħha wkoll fis-sens illi l-kawża kontra tagħha ma setgħetx tistema’ mill-Qrati Skoċċiżi.
//= $special ?>