Sewwieq u passiġġier ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li kienu nvoluti f’inċident ikraħ fit-Telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat, fejn vann tal-kumpanija G4S baqa’ diehel f’sigra. L-iċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-11.00.
Il-vettura tat-tip Fiat Ducato kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 30 sena, residenti Ħal Għaxaq .. filwaqt li fil-vettura kien hemm ukoll passiġġier ta’ 33 sena residenti ż-Żejtun.
Minħabba n-natura tal-każ….u minħabba li dan kien vann li jġorr il-flus…. bosta units tal-Pulizija marru fil-post minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Wasal ukoll tim mediku b’ambulanza biex jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittmi. Iktar tard huma ttieħdu l-Isptar għal kura, fejn irriżulta li l-vittmi sofrew ġrieħi ta’ natura gravi.
Il-vann ħabat fil-binja ‘Notabile’ f’direzzjoni int u ħiereg mir-Rabat.
L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident għandhom għaddejin.



Ritratti meħudin minn Martin Agius.