Internazzjonali

Ingilterra: Il-problemi għal Boris Johnson ikomplu b’disfatta sorpriża fil-by-election ta’ North Shropshire

Il-Liberali Demokratiċi kisbu rebħa sorpriża fil-by-election ta’ North Shropshire u fejn huma ħadu siġġu li kien ilu ‘garantit’ għall-Partit Konservattiv fil-Gvern għal kważi 200 sena.

Il-kanditat tal-partit, Helen Morgan, rebħet is-siġġu bi kważi 6,000 vot, u wara li sfumat il-maġġoranza ta’ kważi 23.000 għat-Tories ( Konservattivi) f’North Shropshire. Intant, il-Prim Ministru Boris Johnson, bħala l-Kap tal-Partit Konservattiv fil-Gvern, qal li jaċċetta l-verdett tal-votanti u li ‘qed jifhem il-frustrazzjoni tan-nies’ f’dan il-perjodu inċert għalihom.

Sadanittant, il-Liberali Demokratiċi, li fl-aħħar snin għaddew minn kriżi politika fit-tul u li kienet riflessa fir-riżultati elettorali, qed jiċċelebraw din ir-rebħa sinifikanti f’elezzjoni li kellha ssir fi żmien partikularment diffiċli għal Boris Johnson.

Dan fost l-iskrutinju intensiv u kritika min-naħa tal-poplu għall-parties tal-Milied li allegatament kienu saru s-sena l-oħra, matul il-lockdown tal-Covid, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku f’Londra.

Fl-istess ħin, Boris Johnson ftit tal-jiem ilu kellu jiffaċċja ‘protesta’ minn xi 100 deputat parlamentari Konservattiv li opponew bis-saħħa (fl-assemblea) għar-regolamenti ġodda fir-rigward tal-Covid li kienu introdotti għall-poplu Britanniku.

Mistoqsi ( fl-aħħar sigħat) jekk ir-riżenja tiegħu għandhiex tgħin lill-Partit Konservattiv fil-Gvern, Boris Johnson wieġeb li ‘il-Gvern qed jikkonċentra mija-fil-mija fuq l-amministrazzjoni tal-pajjiż fl-aħjar interess tal-poplu, kif ukoll fuq il-miżuri tas-sigurtà fid-dawl tal-Covid u l-varjant ġdid Omicron’.

Il-Prim Ministru tenna li ‘il-poplu qed jistenna li l-Gvern jikkonċentra bis-sħiħ fuq dawn l-affarijiet li huma kruċjali għall-pajjiż’, waqt li sostna li ‘qed jaħseb fuq kollox biex jixpruna kemm jista’ il-programm ta’ tilqim tal-Gvern waqt l-aħħar mewġa tal-pandemija.