Lokali

Inkjesta dwar il-ħabs li tagħti 32 ċanfira lill-Gvern ta’ Robert Abela

Konferma li lil Alex Dalli se jżommuh...fi rwol ġdid

Hemm 32 element fil-ħabs li għandhom jiġu imtejjba, fosthom fejn jidħol il-proċess ta’ dixxipplina. Fi kliem sempliċi, l-Inkjesta maħtura mill-Gvern stess tagħti 32 ċanfira lill-Gvern ta’ Robert Abela b’rabta mat-tmexxija tal-ħabs – dan wara li fl-aħħar xhur kellna b’kollox 14-il vittma fil-ħabs ta’ Kordin.

L-inkjesta investigat is-saħħa mentali tal-priġunieri, is-sistemi mediċi, il-proċess tar-rilaxx mill-Forensic Unit, ir-riabilitazzjoni, u l-prevenzjoni kontra s-suwiċidju. Dwar dan tkellem il-Ministru Byron Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet li wassal ftit tal-ħin ilu.

L-Inkjesta kienet ġiet maħtura f’Awwissu, u qed tagħmel 32 rakkomandazzjoni.

Il-Ministru għamel ukoll referenza għal rapport riċenti ppubblikat mill-NAO – rapport illi jikkonferma kif fil-ħabs hemm problemi ovvji, partikolarment fir-rigward ta’ sigurtà, iġene u l-privatezza.

L-Awditur kien qal ukoll illi n-numru ta’ nies impjegati fil-ħabs għadu ma laħaqx il-livell stabbilit bħala l-ideali mill-Aġenzija, anki jekk dan Il-livell mhux sostnut minn studju dokumentat b’mod komprensiv.

Intant, waqt id-domandi tal-ġurnalisti, il-Ministru ikkonferma li l-ħabs se jibqa’ jitmexxa minn Robert Brincau – filwaqt li Alex Dalli se jpoġġuh fi rwol ieħor. Għalkemm Byron Camilleri ma lissinx kelma dwar il-fatt li hu, flimkien ma’ Robert Abela, dejjem iddefendew lil Dalli.