Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ikkonfermat sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati sena ilu fejn illiberat Supretendent tal-pulizija li kien qed jiġi mixli li aċċetta tixħim relatat ma’ operazzjoni illegali tal-lottu. Dan wara li xhieda mogħtija minn xhud ewlieni tal-prosekuzzjoni ġiet iddikjarata inammissibbli f’każ li jmur lura 15-il sena.
F’sentenza ta’ 124 paġna Patrick Spiteri ta’ 64 sena ma nstabx ħati li aċċetta tixħim ta’ €200 fix-xahar mingħand organizzaturi illegali tal-lottu, fuq medda ta’ aktar minn sitt snin bi tpattija għal tip offs dwar rejds tal-pulizija. Spiteri kien rebaħ ukoll każ relatat disa’ snin ilu li fih sostna li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tiegħu ġew miksura bil-fatt li ma kellux aċċess għal avukat waqt l-interrogazzjoni tiegħu.
Il-Qorti tal-Appell ikkondivit l-argumenti tal-Maġistrat Monica Vella li kienet qalet li ma kien hemm l-ebda prova li Spiteri kien ħa xi flus u li x-xhud prinċipali f’dan il-każ, li sostna li kien il-‘fixer’ ta’ Spiteri, ma kienx kredibbli. Aktar tard fil-fatt dan kien ġie interrogat u implikat fil-każ. Il-qorti ddikjarat l-evidenza tiegħu inamissibbli .
Spiteri kien irriżenja mill-korp tal-pulizija meta ġie arrestat f’Ġunju tal-2006, wara 27 sena servizz. Huwa kien mixli li nnegozja u nfluwenza abbuż ta’ poter, kif ukoll li kixef sigrieti uffiċjali u li wettaq reati li kien fid-dmir li jipprevjeni. Fil-każ kienu xehdu l-eks kummissarju tal-pulizija John Rizzo, l-eks deputat kummissarju Joe Cachia, l-eks assistent kummissarju Michael Cassar, flimkien ma’ Angelo Gafa, dak inhar Spettur u llum kummissarju tal-pulizija u Ian Abdilla, illum assistent kummissarju li jinsab sospiż .
Kien ikkonfermat li bl-ebda mod ma kien ħareġ li Spiteri kien talab flus minn grupp ta’ nies. Iżda ħareġ li ċertu Gejtu Zerafa kien qed jagħfas lill-organizzaturi illegali tal-lottu għall-flus u jsemmi l-isem lill-akkużat. Barra minn hekk, il-flus kienu se jgħaddu lil terza persuna, u l-organizzaturi illegali tal-lottu ma kinux jafu jekk hux se jgħaddix il-flus lill-eks pulizija.
Zerafa kien xehed li kien se jieħu l-flus u jgħaddihom lill-akkużat. Il-Qorti sabet li dan ix-xhud kien inqas minn kredibbli, u qalet li kien diffiċli li wieħed jemmen li xi ħadd kien se jinvolvi ruħu fi skema bħal din għal xejn “barra l-inkwiet li ġab miegħu.”
Zerafa kien sostna li kien preżenti meta l-organizzaturi illegali tal-lottu kienu ltaqgħu mal-akkużat, iżda wara qal li hu qatt ma kien iltaqa’ magħhom personalment. Il-Maġistrat Vella, kienet wirtet il-każ mingħand maġistrati oħra. L-ewwel qorti kienet enfasizzat il-fatt li ma ratx lil Zerafa jixhed u għalhekk ma setgħetx tevalwa l-imġiba tiegħu fuq il-pedana tax-xhieda.
Iżda hija kienet qrat ix-xhieda tiegħu diversi drabi u waslet għall-konklużjoni li ma kienx kredibbli. Il-Qorti qalet ukoll li sabet diffiċli tifhem kif nies li bilkemm kienu jafu lil Zerafa kienu fdawh biex jaġixxi ta’ intermedjarju mal-akkużat għall-arranġament kriminali tagħhom, aktar u aktar mingħajr ma jistennew xejn lura.
Snin wara li tressaq ll-akkużat, il-Qorti kienet semgħet kif il-prosekuzzjoni ma ħadet l-ebda passi fil-konfront ta’ Gejtu Zerafa. Madankollu, meta ġie mħarrek għall-kontro-eżami, dan ma seħħx għax sadattant kien ġie mixli. L-Imħallef Scerri Herrera qalet li l-Qorti trid iżomm f’mohha li l-prosekuzzjoni lanqas ma ressqet l-ebda prova dwar jekk ittieħdux passi kontra ix-xhud ewlieni jew inkella x’tip ta’ imputazzjonijiet ħarġu fil-konfront tiegħu.
Il-prosekuzzjoni baqghet tkaxkar saqajha sabiex tintavola proċeduri fil-konfront tax-xhud, meta setgħet tagħmel kif għamlet fil-konfront tax-xhieda l-oħrajn, snin qabel. Waqt li ddikjarat ix-xhieda ta’ Gejtu Zerafa bħala inammissibbli, lliberat lil Spiteri. L-avukat Joe Giglio deher għal Patrick Spiteri.
//= $special ?>