Lokali Qorti

L-Avukat tal-Istat ħati ta’ disprezz wara li mar kontra kelmtu fuq esebizzjoni ta’ data mill-mobajl ta’ Keith Schembri

Imħallef iddeskriva appell mill-Avukat tal-Istat kontra ordni tal-qorti fuq esebizzjoni ta’ data mill-mowbajl ta’ Keith Schembri – li huwa ppreżenta minkejja li ta assigurazzjonijiet lill-qorti li ma kienx se jagħmel dan bħala “inkwetanti ħafna u kwistjoni ta’ tħassib, ” u għaldaqstant l-Qorti sabet lill-Avukat tal-Istat disprezz tal-qorti u mmultatu €500. Dan ifisser li l-Avukat tal-Istat kiser il-kelma li huwa ta lill-Qorti.

Dan seħħ waqt seduta li saret quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff, f’kawża Kostituzzjonali mressqa minn Yorgen Fenech kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat tal-Istat, il-Ministru tal-Intern u s-Supretendent tal-Pulizija Keith Arnaud fl-2019.

Waqt is-seduta ta’ qabel, fid-19 ta’ Novembru, l-imħallef kien ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jesebixxi minnufih kopja tad-data estratta mill-mowbajl ta’ Keith Schembri. Wara li nqara dan id-digriet, l-Avukat tal-Istat kien iddikjara espliċitament li ma kienx se jkun hemm appell minn dan id-digriet.

“Fil-fatt, permezz ta’ nota verbali twila u dettaljata, ġie ddikjarat li se tiġi segwita l-ordni tal-Qorti u li l-Kummissarju tal-Pulizija sempliċement, biss u esklussivament… jobdi, isegwi, jimplimenta u jesegwixxi l-istruzzjonijiet ta’ din l-Onorevoli Qorti. .”

Iżda mbagħad fl-24 ta’ Novembru, il-partijiet ġew notifikati li l-Avukat tal-Istat kien ippreżenta appell għad-digriet. “Independentement mill-irregolarità manifesta fir-rikors ta’ appell, bir-rispett kollu l-animus li bih ġie ppreżentat dan l-att ġudizzjarju jikkonfliġġa ma’ prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza u l-prattika kostanti, li qabel is-sottomissjoni ta’ dan l-att, kienu preżunti li huma sottoskritti minn kull parti f’dan il-każ.” Nota verbali fil-qorti tikkostitwixxi kważi-kuntratt ġudizzjarju, irrimarka l-imħallef.

“L-akkużati huma konxji ta’ din il-ġurisprudenza u għalhekk dan ifisser waħda minn żewġ affarijiet. Jew, waqt li n-nota kienet qed tiġi ddettata diġà kien hemm l-intenzjoni ta’ appell jew inkella, wara li saret in-nota verbali kien hemm intervent maħsub biex jibdel il-ħsieb tal-konvenuti u jressaq appell.

“Iż-żewġ xenarji huma inkwetanti ħafna u kwistjoni ta’ tħassib,” qal Mintoff, li enfasizza li l-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija kienu żewġ entitajiet ta’ Stat li ħaddan is-Saltna tad-Dritt u li m’għandhom ikunu suġġetti għal indħil minn ebda persuna.

“Fl-aħħar mill-aħħar, permezz ta’ dawn il-proċeduri, huma l-imparzjalità, l-integrità u l-profondità tal-investigaturi u l-investigazzjonijiet li qed jiġu skrutinizzati. Liema imparzjalità u integrità ma ssib l-ebda faraġ fl-imġieba, kultant anke nebuluża, muri mill-Kummissarju tal-Pulizija…fi stratemmi li ġew adottati biex l-informazzjoni li tinstab fuq il-mowbajl ta’ Keith Schembri tibqa’ moħbija u protetta akkost ta’ kollox, l-ispiża tal-irreverenza għall-ordnijiet u d-digrieti tal-Qrati ta’ ġurisdizzjoni Kostituzzjonali ta’ Malta.” L-Imħallef irrabjat sejjaħ lill-Avukat tal-Istat, li fil-bidu tas-seduta ma kienx fl-awla u ddikjarah b]adisprezz tal-qorti, immultah €500.