Sirjan ta’ 33 sena ma nstabx ħati li stupra mara Franċiża meta kien qed iwassalha d-dar wara party li sar f’Buġibba minħabba l-inkonsistenza fix-xhieda tagħha, li ma nstabet l-ebda DNA li tikkonferma li seħħ dan ir-reat. Ix-xhieda konsistenti ta’ Anas Alahmad li ilu diversi snin jgħix Malta u l-fatt li kien huwa stess li mar l-Għassa tal-Pulizija biex iħalli l-karta tal-identità u l-mobajl tal-mara, ikompli jikkonferma li l-każ ma ġiex ippruvat mill-prosekuzzjoni skont kif titlob il-liġi.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet il-każ tal-allegat stupru fuq mara Franċiża ta’ 28 sena f’karozza. Alahmad ma nstabx ħati wkoll li kkommetta attentat vjolenti għall-pudur tagħha meta ma kinitx f’pożizzjoni li tirreżisti minħabba li kienet xurbana jew taħt effett ta’ xi sustanza.
Is-Sirjan lanqas ma nstab ħati li ssekwestra lil mara sabiex toqgħod għal xi ħaga li toffendi l-mistħija tas-sess tagħha, li ħebb għaliha u li ikkaġunalha ġriehi ħfief kif ukoll li offenda il pudur jew il-morali, b’għemil li sar f’post pubbliku.
Alahmad ma nstabx ħati wkoll li saq vettura BMW meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minhabba xorb jew drogi. L-Ispettur Joseph Busuttil spjega li l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm party ġewwa Café del Mar bejn it-30 ta’ April u l-1 ta’ Mejju 2021.
Il-Franċiża li taħdem Malta kienet f’dan il-party fejn xorbot iktar mis-soltu. Hija ltaqgħet mal-imputat u peress li ma ħassithiex sew dan offrielha li jwassalha d-dar. Skont ir-rapport li għamlet il-mara, fit-triq is-Sirjan waqqaf il-karozza u beda jkollu x’jaqsam magħha. Meta ppruvat twaqqfu taha daqqa fuq wiċċha. Wara l-imputat wassalha d-dar.
L-Ispettur Busuttil qal li l-mara kellha ħmura fuq wiċċha fejn qalet li qalgħet id-daqqa. Il-vittma spiċċat biex wara raqdet id-dar u l-għada ndunat li ma kellhiex il-mobile u mil-location sabet il-mobile tagħha l-Għassa tal-Imsida. Hija ddeċidiet li tagħmel rapport dwar dak li ġara u ddentifikat lill-imputat minn serje ta’ ritratti.
Mistoqsi jekk l-imputat marx minn jeddu l-Għassa bil-mobile tal-vittma, l-Ispettur wieġeb fl-affermattiv u qal li ħadd ma kien bagħat għalih. Il-Franċiża permezz ta’ video conference qalet li kienet ghamlet perjodu Malta taħdem u tistudja l-Ingliz.
Qalet li dak inhar kienet Café del Mar mal-ħbieb fejn kienu qed jiżfnu u l-memorja tagħha lejn tmiem is-serata kienet vaga. Meta ġiet lura f’sensiha sabet ruħha mat-tarag u persuna tiġbidha u meta waslet fil-parking waqgħet fuq xi ħaxix. Qalet li taħseb li xi ħadd poġġa droga fit-tazza tagħha u li ħadet biss żewġ drinks u li ħassitha tqila għax kienet drogata għax temmen li xi ħadd tefalha d-droga fit-tazza. Hija pero` ma rat lil ħadd jitfa’ xi ħaġa fit-tazza.
Qalet ukoll li xi ħadd assistiha biex telgħet f’vettura u kienet fuq in-naħa ta’ wara tal-karozza u xi ħadd tela’ wara wkoll. Skont hi l-karozza ma telqitx minn Café del Mar u kienet ipparkjata 200 metru ’l bogħod mill-istabbilment. Xehdet li l-persuna li għentiha tirkeb ma baqgħetx hemm u l-persuna li kien hemm wara fil-vettura kienet persuna oħra.
Qalet li r-raġel neża l-ħwejjeġ u hija ma kienitx konxja għax kienet iddrogata. Qalet li hu ried jagħmel sess magħha u hija qaltlu le bl-Ingliż diversi drabi u spiċċa taha daqqa ta’ ponn fuq wiċċha u rasha ħabtet mal-ħġiega. Qalilha li hija obbligata u għalhekk marret bilqegħda fuqu. Wara l-affarijiet ma kinux ċarissimi u hu mar fuq quddiem . Ma setgħetx tiftakar b’liema lingwa kellimha iżda taħseb li bl-Ingliż.
Qaltlu fejn toqgħod iżda kienet mimduda fuq wara u nesiet it-triq pero` sabet ruħha quddiem id-dar tagħha l-Gżira. Qalilha li hemm bżonn li toħroġ u daħlet id-dar tiġri u rrakkontat dak li ġara lil ragel ieħor li tixxerja l-post miegħu li qalilha biex tikkalma u li għada hemm bżonn li tagħmel rapport lill-Pulizija.
L-ghada ndunat li ma kellhiex il-mobile u l-ID card tagħha u mill-GPS irriżulta li dan kien l-Għassa. Marret l-Għassa flimkien mal-ħabib tagħha u spjegat x’kien ġara u l-Pulizija taha l-mobile u l-ID card. Qalulha biex tagħmel ir-rapport l-Għassa tal-Qawra u spiċċat marret għax-xoghol.
Qalet li ma kinitx qed tħossha sew għaliex kienet imbeżża’ u l-għada fil-fatt marret taghmel rapport l-Ghassa tal-Qawra. Skont il-vittma l-Pulizija ma kinux qed jemmnuha u baqgħu jistaqsuha jekk kinitx ċerta minn dak li gara. Hija qalet li ma kinitx taf jekk il-persuna li ġibditha lejn it-taraġ kienx l-imputat jew terza persuna li għena tidħol fil-karozza. Fuq domanda dwar reżistenza qalet li ma bdietx tagħti b’saqajha iżda kienet qed tgħid le. Ftit wara bidlet il-verżjoni u qalet li iva tat b’saqajha biex ma jneħħiliex il-ħwejjeġ.
Dwar il-post fejn sehh l-istupru qalet li wkoll ma setgħetx tiftakar.Hija gharfet lill-imputat fl-awla. Xehed it-tabib Mario Scerri li ppreżenta rapport li kkonkluda li sab ġrieħi madwar l-għajn ix-xellugija, abrażjoni fuq l-id il-leminija, tbenġil mad-driegħ tal-lemin u ‘haematom’ mal-irkoppa l-leminija – liema leżjonijiet huma ta’ natura ħafifa.
L-esperta Marisa Cassar ippreżentat rapport bil-ġurament fl-atti tal-inkjesta fejn hija kkonkludiet li mill-kampjuni li ttieħdu mill-qalziet ta’ taħt u mill-jeans tal-vittma ħareġ profil ġenetiku tal-istess mara.
Fuq domanda dwar il-flatmate tal-vittma l-Ispettur qal li kien kellmu waqt l-investigazzjoni pero` wara probabbilment laħaq siefer. Ikkonkluda billi kkonferma li qatt ma ltaqa’ ma’ każ fejn l-imputat wara li allegatament ikun stupra xi ħadd imur l-Għassa biex jirritorna l-mobile tal-vittma.
Il-verżjoni tal-vittma hija xi ftit stramba meta wieħed jikkonsidra li marret torqod u għażlet li taghmel rapport biss jumejn wara l-każ. Importanti wkoll kif l-imputat mar minn jeddu l-Ghassa bil-mobile tal-vittma. Il-Qorti qalet li ma thossx li-verżjoni tal-mara hija kredibbli, anzi tħoss li hija verzjoni fjakka u mhux kostanti u l-Qorti qatt ma tista’ tibbaza ruħha fuq tali verżjoni u ssib ħtija fl-imputat oltre kull dubju dettat mir-raġuni.
Il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipproduċi bħala xhieda l-ħabib tal-vittma, l-flatmate taghha, li suppost kien sema’ l-verzjoni tal-vittma wara li sar l-allegat stupru. Dan ix-xhud seta’ jagħti iktar dawl fuq il-verżjoni tal-mara u ċertament seta’ jixhed fuq l-istat tal-vittma wara li sar id-delitt vjolenti fuqha. Seta’ jgħid jekk kinitx aġitata jew imbeżża.
Il-vittma allegat ukoll li hija kienet ġiet iddrogata minn terza persuna waqt li kienet il-party. Dan pero` qatt ma ġie ppruvat. Il-Prosekuzzjoni lanqas biss ppruvat titkellem ma’ xi ħbieb li kienu l-party mal-vmara. Ma nġabet assolutament l-ebda prova dwar is-sewqan tal-imputat u lanqas ma nħabet prova dwar jekk kienx xurban. Ghal dawn il-mottivi l-Qorti ma sabitx lil Anas Alahmad ħati tal-akkużi kif dedotti kontrih u tilliberah minnhom. Għas-Sirjan deheru l-Avukati Renè Darmanin u Alfred Abela.
//= $special ?>