Nutar li fl-2016 kien ingħata sentenza sospiża fuq miżappropjazzjoni mar sentejn ħabs, kellu l-warrant sospiża għal ħames snin u ngħata interdizzjoni ġenerali perpetwa wara li nstab ħati ta’ kompliċità fi frodi. Sadaniitant ir-raġel li nstab ħati tal-frodi ġie kkundannat 20 xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin.
In-Nutar Peter Falzon ta’ 61 sena minn Ħ’Attard u Peter Agius ta’ 51 sena min-Naxxar kienu l-persuni mixija b’dawn ir-reati. In-Nutar Falzon instab ħati li f’Mejju 2009, u qabel, iffalsifika dokumenti pubbliċi u għamel użu minn dokument iffalsifikat.Il-każ kien investigat mill-Ispettur Rennie Stivala.
Huwa nstab ħati li fis-27 ta’ Diċembru 2007 għen lil Agius jagħmel qligħ ta’ €86,186 b’dannu tal-kumpanija Geot Developments Limited, Mary Violet Mifsud u Ronald Mifsud. Agius instab ħati li fl-istess data tal-2007 iffroda lill-kumpanija msemmija u lill-istess persuni u li għen lin-Nutar Falzon f’dan il-qerq.
Il-Maġistrat Rachel Montebello li mexxiet il-kumpilazzjoni semgħet kif n-Nutar Falzon ippubblika kuntratt fejn Agius biegħ penthouse f’Raħal Ġdid lil Mary Violet Mifsud f’isem l-imsemmija kumpanija. Il-post kien milqut minn ipoteka speċjali favur il-Bank HSBC iżda fil-kuntratt tal-bejgħ ġie ddikjarat li dan kien trasferit lil Mifsud bħala liberu u frank.
Il-fond kien ġie ipotekat minn Mifsud a favur il-kumpanija Terranova Properties Limited bl-ammont li kellu jitħallas kellu jkun ta’ €65,000. Irriżulta iżda li l-Bank HSBC qatt ma ta l-kunsens għat-tnaqqis tad-drittijiet ipotekarji tiegħu fejn kienet in-Nutar Elena Farrugia, li tqabbdet mill-kumpanija Terranova biex tirreġistra l-ipoteka, li ndunat mir-riċerki.
Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li l-provi juru li sar qerq. Ma kien l-ebda setgħa li ssir it-tranżazzjoni u sar kollox b’ingann. Il-Qorti qalet li Agius kien jaf tajjeb li ma kellu l-ebda setgħa li jbigħ l-appartamenti jew garaxxijiet li ġew żviluppati bi sħab bejnu u bejn il-kumpanija Geot Developments Limited.
Il-Maġistrat qalet ukoll li Agius mexa b’ingann fil-konfront tal-kumpanija Geot kif ukoll fil-konfront ta’ Mary Violet Mifsud meta deher fuq l-att ta’ bejgħ tal-penthouse u li ta tagħrif falz dwar il-kapaċità rappreżentattiva tiegħu u tas-setgħa li kellu biex jittrasferixxi l-propjetà.
Qalet li Mifsud ġiet ingannata sabiex tidħol f’kuntratt ma’ persuna li ma kinitx awtorizzata tbiegħilha l-penthouse bil-konsegwenza li sofriet telf patrimonjali meta ħallset prezz għal xiri mhux awtorizzat ta’ dan il-fond. Fuq in-Nutar Falzon il-Qorti qalet li kien kompliċi fil-frodi għax għamel dikjarazzjonijiet foloz fil-kuntratt tas-27 ta’ Diċembru 2007 kif ukoll fl-awtentikar tal-fotokopja tar-riżoluzzjoni tal-kumpanija Geot.
Hija qalet li huwa kien jaf li d-dikjarazzjoni li tinsab fir-riżoluzzjoni dwar id-delega mogħtija lil Agius biex jidher għall-kumpanija Geot ma kinitx minnha bħalma kien jaf li Agius ma kellux ir-rappreżentanza leġittima biex jidher għall-kumpanija.
Il-Maġistrat Montebello saħqet li l-vittmi ma sofrewx danni grazzi għan-Nutar Elena Farrugia li wettqet xogħolha kif suppost. Il-Qorti qieset ukoll il-fedina penali tan-Nutar Falzon, li appella mis-sentenza. F’Ġunju tal-2016 in-Nutar Falzon kien ingħata sentenza sospiża wara li nstab ħati li f’perjodu ta’ erba’ snin bejn l-2008 u l-2012 wettaq misapproprjazzjoni ta’kważi €20,000.
Il-każ għall-ewwel ġie mmarkat mill-avukat Ian Spiteri Bailey, illum Imħallef, f’isem il-klijent tiegħu Carmel Mallia, li kien ressaq ilment fejn talab lill-pulizija biex tinvestiga lin-Nutar Falzon. Dak iż-żmien Mallia għadda lin-nutar €2,215 biex iħallas il-bolla u t-taxxi dovuti għal transazzjoni ta’ proprjetà ta’ boathouse fil-qasam ta’ Santa Marija. Aktar tard sar jaf li s-somma ma kinitx tħallset.
Mallia kien ipprova jikkuntattja lin-nutar, u bgħatlu żewġ ittri f’Diċembru 2012 u f’Jannar 2013 talbu biex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu iżda dawn baqgħu ma ngħatawx widen. Fl-2013, klijent ieħor tal-akkużat bl-isem ta’ Angelo Ebejer kien ressaq ilment mal-Economic Crimes Unit, fejn qal li kien xtara proprjetà tal-Ħamrun tliet snin qabel.
Huwa kien ħallas lil Falzon €2,295 bħala bolla u €3,213 f’taxxi biex imbagħad l-akkużat ikun jista’ jirreġistra l-kuntratt tiegħu. Iktar tard Ebejer kien avviċina nutar ieħor fuq negozju ieħor u kien urieh il-kuntratt. In-nutar infurmah li l-kuntratt ma jorbotx għax ma kienx reġistrat.
It-tielet rapport kien ġie ppreżentat minn Mark Farrugia, li kien għadda lil Falzon is-somma ta’ €2,608 bħala bolla u €8,944 f’taxxi għal proprjetà ta’ Santa Venera li kien xtara. Il-kuntratt għal darb’oħra ma kienx irreġistrat. Dak iż-żmien in-Nutar Falzon xehed li kien għaddej minn perijodu diffiċli, peress li martu kienet marida u kienet qed tieħu kura barra minn Malta.
Qal li kien akkumpanjaha bejn l-2009 u l-2010 u, b’riżultat ta’ dan, kien waqa’ lura bil-ħidma tiegħu. Imbagħad irritorna fl-2011 wara li nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Falzon kien qal li qatt ma uża l-flus għal skopijiet oħra u li kien beda l-proċess biex jiġu rreġistrati l-ħafna kuntratti li kienu akkumulaw. Żied jgħid li s-sitwazzjoni marret għall-agħar wara li mietet ommu.
Il-Qorti kkundannat l-imġieba tiegħu u qalet li l-fatt li kien għaddej minn żmien diffiċli ma jistax jiġi kkunsidrat meta kkundannatu għar-reati tiegħu. Huwa kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Ħames snin u nofs wara reġa’ instab ħati u din id-darba ingħata ħabs effettiv li mhux se jiskonta sakemm jiġi deċiż l-appell.
//= $special ?>