Lokali

Sit ġdid tal-FSWS b’għajnuna għall-vittmi

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali nediet sit ġdid attrezzat b’diversi servizzi kemm għall-adulti, kif ukoll żgħażagħ u tfal biex tiffaċilità l-aċċess u l-użu għal dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli.

Dan is-sit ħa post sit ieħor li l-Fondazzjoni kienet tagħmel użu minnu hekk kif inħass il-bżonn li jkun attrezzat għaż-żminijiet ta’ llum bi pjan li jibqa’ jiġi aġġornat maż-żminijiet.

Dan is-sit mhux biss ġie aġġornat għal dehra ġdida iżda biex tkun iktar faċli għal dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna. Fil-fatt, wieħed jista’ jaċċessa dan is-sit kemm minn fuq kompjuter u anke minn smartphone.

Is-sit jagħti l-opportunità li wieħed jaqra l-informazzjoni aċċessibli fuqu kemm bil-Malti u anke bl-Ingliż… informazzjoni dwar id-dipartimenti fi ħdan il-fondazzjoni, mezzi kif wieħed jista’ jiġi mgħejjun, u tweġibiet għal mistoqsijiet komuni, fost oħrajn.

Dan is-sit saħansitra jwassal messaġġi ta’ inkoraġġiment lil dawk li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. Iżda mhux biss. Wieħed jista’ jitlob għall-għajnuna billi fost l-oħrajn jikkuntattja lil 179 jew jirraporta xi abbuż fuq dan l-istess sit.

Is-sit joffri wkoll li titneħħa l-history li turi li wieħed kien fuq dan is-sit biex aggressur jew persuni oħra ma jindunawx li qed isiru rapporti kontrihom.