Il-President ta’ Malta George Vella ffirma l-Liġi li tippermetti l-Użu tal-Kannabis għal skop rikreattiv wara li qal li – f’dan il-każ – m’għandux oġġezzjoni morali gravi.
Dan wara li din il-Liġi ġiet approvata mill-Parlament, grazzi għall-vot favur tad-Deputati tal-Gvern. Vot li kiseb il-kundanna ta’ bosta, fosthom tas-56 entità u individwu, li saħansitra kienu ressqu emendi għal din il-Liġi.
Fost dawn kien hemm l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel, il-Kamra tal-Ispiżjara, Il-Kamra Għawdxija tan-Negozju, Caritas Malta, il-Fondazzjoni Oasi, l-Assoċjazzjoni tas-Social Workers u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija.
Għaqdiet oħrajn jinkludu l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-Fondazzjoni Richmond, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u d-Dar tal-Providenza. Dawn ingħaqdu ma’ diversi individwi, fosthom il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, kif ukoll Dekani minn Fakultajiet differenti tal-Università ta’ Malta.
Il-President tar-Repubblika ta l-fehma tieghu dwar dan is-suggett meta kien qed jaghmel diskors waqt ċelebrazzjoni f’Għawdex biex jitfakkar Jum ir-Repubblika – u fl-ewwel okkażjoni wara l-vot tat-Tlieta li għadda George Vella qal li hu ma jistax iwaqqaf Liġi li tgħaddi mill-Parlament b’vot demokratiku.
George Vella kompla li fil-kariga ta’ President tar-Repubblika – skont il-Kostituzzjoni kif inhi llum – la hu u lanqas ta’ qablu jew warajh ma għandhom il-poter li jinjoraw Liġi li tkun għaddiet mill-Parlament, anke jekk ma jkunux jaqblu magħha.
L-unika alternattiva għal dan, spjega, hu f’każ li jkollu oġġezzjoni morali gravi li minħabba fiha jippreferi jirriżenja milli jiffirma dik il-Liġi … b’indikazzjoni indiretta fil-każ tiegħu għall-possibbiltà li f’pajjiżna jkun legalizzat l-abort.
Il-President qal li, jekk din is-sistema ma tkunx segwita, il-President jispiċċa jikkmanda hu fil-Parlament. Min-naħa l-oħra, il-kariga ta’ Kap tal-Istat m’għandhiex titqies daqslikieku xi kariga ta’ sfida fil-konfront ta’ ħaddieħor.
Filwaqt li qal li x-xewqat tal-poplu għandhom jitwasslu waqt li jkunu qed jintagħżlu l-politiċi li jkunu se jmexxuna wara l-wegħdiet li jagħmlu, hu appella li f’pajjiżna għal aktar edukazzjoni politika dwar kif jaħdmu l-istituzzjonijiet diversi fil-pajjiż.
Il-pożizzjoni ta’ George Vella tfisser li se jkunu twaqqgħu t-talbiet kollha li sarulu biex hu ma jiffirmax, b’uħud kienu għamlu pressjoni fuqu, anke minħabba l-fatt li hu Tabib u li suppost jaf il-ħsara li tagħmel il-kannabis għall-użu rikreattiv.
//= $special ?>