Lokali

“Gvern ġdid Nazzjonalista huwa determinat li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd” – Bernard Grech

“Gvern ġdid Nazzjonalista huwa determinat li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull Malti u Għawdxi.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara żjara li s-Sibt filgħodu għamel fil-monti ta’ Ħal Qormi. Huwa kellu l-opportunità li jitkellem ma’ diversi residenti Qormin, bejjiegħa li kienu armati, kif ukoll nies oħra li kienu qedgħin jixtru.

Bernard Grech seta’ jifhem aktar il-ħtiġijiet kemm tal-bejjigħa kif ukoll tax-xerrejja u spjega kif Gvern ġdid immexxi minnu se jkun l-ispalla għalihom. .

Diversi bejjiegħa tal-monti esprimew ma’ Bernard Grech it-tħassib tagħhom għall-mod kif il-prezzijiet qed ikomplu jogħlew u li allura qed jispiċċaw ibatu huma kif ukoll il-klijenti tagħhom.

Spjega kif parti minn din il-problema toriġina minn prezzijiet internazzjonali fosthom il-prezzijiet tal-merkanzija u għalhekk qal li din għandha tkun indirizzata.

Matul din iż-żjara, Bernard Grech kien akkumpanjat mid-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, mill-Kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali Jerome Caruana Cilia u Francine Farrugia, is-Segretarju Eżekuttiv Organizzativ tal-PN, Rudolph Marmara, kif ukoll mill-membri tal-Kumitat tal-Partit Nazzjonalsita ta’ Ħal Qormi.