Wara li aktar kmieni llum, il-President ta’ Malta ffirma l-Liġi biex ikun normalizzat l-użu tad-droga, l-Abbozz li kellu kontrih l-akbar firxa wiesgħa ta’ organizazzjonijiet issa sar Liġi bl-implikazzjonijiet negattivi kollha li dan se iġib miegħu, minkejja t-twissijiet tal-esperti tas-saħħa pubblika u mentali.
Iżda, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li hu aktar gravi kif, b’irresponsabbiltà kbira u b’nuqqas ta’ sensittività għaċ-ċirkosrtanzi li qed ngħixu fihom, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Owen Bonnici għaddew din il-Liġi u daħluha kollha kemm hi fis-seħħ eżatt qabel il-Festi tal-Millied u l-Ewwel tas-Sena – żmien li hu magħruf li fih il-konsum tad-droga jiżdied aktar.
Il-Partit Nazzjonalista qal li dan il-Gvern lanqas biss kellu l-iċken diċenza li, qabel ma jdaħħal il-Liġi fis-seħħ, jara li jiddaħħlu l-istrutturi meħtieġa biex din titħaddem u tiġi infurzata kif suppost, inkella jkun qed jagħti l-akbar rigal lit-traffikanti tad-droga biex jistagħnaw minn fuq il-miżerja ta’ ħaddieħor.
Bl-aġir irresponsabbli tiegħu, Robert Abela mhux talli mhux qed inaqqas il-lok tat-traffikar, iżda għadu kemm ħoloq l-akbar suq li qatt eżista, tenna l-Partit Nazzjonalista, li qed jeżiġi biex minnufih, il-Gvern jirtira dan l-Avviż Legali u fin-nuqqas ta’ dan, l-Oppożizzjoni se tkun qed tirrikorri għall-mezzi parlamentari possibli bix dan jitħassar.
//= $special ?>