Awguri lil kull min hu ta’ rieda tajba biex isib l-ispazju imqar għal persuna waħda li qatgħet qalbha ħalli noffrulha spazju f’qalbna biex anke hi tħossa parti mis-soċjetà tagħna.
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta ngħaqad mal-kumplament tal-mexxejja tal-pajjiż fil-ftuħ ta’ Milied Flimkien.
Bernard Grech awgura li l-ferħ u l-ispirtu tal-Milied jibqa’ magħna anke wara l-Festi, fejn nagħrfu r-responsabbiltà tagħna lejn min hu fil-bżonn mhux biss f’dan iż-żmien iżda matul is-sena kollha.
Fakkar kif aktar minn 2,000 sena ilu lil Ġesù ma laqgħuhx, filwaqt li llum infakkru b’għożża l-akbar avveniment li qatt seħħ fid-dinja. Iżda mbagħad staqsa jekk illum aħniex insibu ħin għal min hu vulnerabbli u ermarġinat.
Hu temm billi qal li din għandha tkun okkażjoni oħra biex il-pajjiż jingħaqad ħalli l-għada tal-Milied – flimkien mal-President ta’ Malta u mas-Sinjura Vella – fl-okkażjoni tal-Istrina, ngħinu lil dawk li mhux ilaħħqu finanzjarjament mal-isfidi tal-ħajja.
//= $special ?>